Uffiċjali tal-Pulizija li kienu għaddejjin bi tfittxija għal persuni minħabba serq ta’ ġojjelli, spiċċaw biex qabdu żewġt irġiel li allegatament kienu qed jiksru l-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja meta waqqfu karozza suspettuża kmieni l-Ħamis filgħodu.
Keith Testa ta’ 21 sena u George Galea ta’ 51 sena, it-tnejn mill-Marsa, tressqu quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella mixlija li kisru tliet settijiet ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest bejniethom.
L-Ispettur Lydon Zammit, li flimkien mal-Ispettur Stephen Gulia qed imexxu l-Prosekuzzjoni, spjega li l-irġiel kienu arrestati f’Ħaż-Żebbuġ, wara li l-uffiċjali tal-RIU waqqfu l-karozza tagħhom billi ma kellhiex pjanċi.
Minn tfittxija li saret fil-vettura nstabu tliet skieken, mannara, sett ta’ tnalji, ingwanti, maskri u anke tornaviti. L-uffiċjali tal-pulizija għall-ewwel kellhom suspett b’rabta ma’ serq ta’ ġojjellerija f’Ħ’Attard, li seħħet jumejn qabel. Wara aktar investigazzjonijiet, instab li ma kienx hemm evidenza li jorbothom ma’ dak il-każ.
“Aktar tard ittieħdet id-deċizjoni li l-irġiel jiġu akkużati dwar il-ksur tal-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja tagħhom,” qal l-Ispettur Zammit.
Iż-żewġt irġiel wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom iżda nżammu arrestati wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.
L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb dehru għal Galea mentri l-Avukat Mario Caruana deher għal Testa.