Monday, March 9, 2026

Żewġt irġiel mixlija li attakkaw b’sikkina lil raġel li jgħixu miegħu f’Ħal Qormi

Aqra wkoll

Żewġ persuni ta’ nazzjonalità Indjana baqgħu jinżammu arrestati wara li ċaħdu l-akkużi li kienu attakkaw b’sikkina raġel li jgħix fl-istess  appartament f’Ħal Qormi.

Sharath Nalla ta’ 21 sena u Chinna Padigela ta’ 51 sena, tressqu l-Qorti fejn ġew akkużati li nhar is-Sibt li għadda għall-ħabta tal-11.30am ħebbeb u attakkaw Indjan ieħor b’sikkina.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-pulizija kienu ġew informati li kien hemm raġel li ġie aggredit b’sikkina f’appartament f’Ħal Qormi. 

L-informazzjoni li waslet għand il-Pulizija kienet li l-allegat aggressur kien ħarab minn fuq il-post. Minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li allegatament Padigela kien żamm lill-vittma waqt li Nalla tah daqqa ta’ sikkina fi spaltu x-xellugija.

Mal-wasla tal-Pulizija, Padigela kien għadu fuq il-post u ġie arrestat. 

Fil-Qorti ġie spjegat li Surġent mill-Għassa ta’ Ħal Qormi kien tkellem ma’ Spettur li kien fuq il-post tar-reat li l-għassa kienet daħlet persuna biex tagħmel rapport dwar argument li kellu ma’ raġel ieħor li jgħix fl-istess appartament. 

Irriżulta li din il-persuna kienet l-istess waħda li ħarbet minn fuq il-post wara li tat bis-sikkina lill-vittma. Huwa ġie arrestat minnufih, saritlu tfittxija u ttieħed ukoll fil-lock-up tal-pulizija.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Nadine Sant Lia ħarġet ordni ta’ protezzjoni.

Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest bil-prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li l-imputati jgħixu mal-vittma.

Il-Qorti wara li semgħet liż-żewġ naħat ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li m’għandix is-serħan tal-moħħ li l-imputati mhux se jkellmu lill-vittma jew xhieda oħra sabiex jinfluwenzahom dwar il-każ.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur James Mallia flimkien mal-Avukat Martina Muscat f’isem l-Avukat Ġenerali. L-imputati dehru assistiti mill-Avukati Noel Bianco, Alex Scerri Herrera u Adriano Spiteri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport