Saturday, September 6, 2025

Żewġt irġiel mixlijin bil-hold-up f’supermarket f’Għawdex… jibqgħu jinżammu arrestati

Aqra wkoll

Matthew Frendo ta’ 49 sena residenti Ħaż-Żebbuġ u Damiano Alfio Ranissi Torissi ta’ 47 sena minn Katanjan, iżda residenti San Pawl il-Baħar wieġbu mhux ħatja tal-akkużi, fosthom li wettqu hold-up minn supermarket fix-Xagħra jumejn ilu.

Frendo qal li ftit taż-żmien ilu beda jaħdem ma’ furnar filwaqt li Ranissi Torissi qal li jaħdem ma’ kumpanija tal-arja kundizzjonata. Meta ġew mistoqsija fejn jgħixu, filwaqt li Frendo wieġeb Ħaż-Żebbuġ, Ranissi Torissi wieġeb li nesa fejn jgħix minħabba li skont hu għandu d-dimensja.

Huma kienu akkużati wkoll li qabel ma wettqu l-hold-up serqu karozza tal-għamla Toyota Vitz mix-Xewkija. Huma wieġbu mhux ħatja wkoll li kisru l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor u li kellhom oġġetti misruqa waqt li t-Taljan waħdu kien mixli li ġarr arma.

L-Ispettur Mario Xiberras spjega fil-Qorti li fl-4 ta’ Settembru li għadda għall-ħabta tal-5.30pm kien ġie informat li kienet insterqet karozza tal-għamla Vitz mix-Xewkija. Qal li mill-ewwel bdew l-investigazzjonijiet dwar din is-serqa.

Hu kompla jispjega li imbagħad għall-ħabta tat-8.00pm kien reġa’ ġie informat mill-Għassa tar-Rabat li kien daħal rapport li kien seħħ hold-up minn supermarket fix-Xagħra Għawdex.

L-Ispettur Xiberras qal quddiem il-Maġistrat Simone Grech, li hekk kif kien tiela’ lejn ix-Xagħra, daħlet informazzjoni kunfidenzjali li l-passiġġier li kien fil-karozza Vitz kien jinsab f’karozza oħra u kien qiegħed jistenna biex jitla’ fuq il-vapur tal-Gozo Channel. 

Spjega li mill-ewwel sejjaħ lill-pulizija tal-RIU li marru l-Imġarr fejn żammew il-karozza milli titla’ fuq il-vapur. Qal li hekk kif wasal sab lil Ranissi Torissi fil-karozza. Minn tfittxija li saret fil-karozza instab il-kexxun tal-cash register li kien għadu mimli bil-flus.

Intant min-naħa tiegħu l-Ispettur Wayne Camilleri mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri spjega li minn investigazzjoni li saret u anke informazzjoni kunfidenzjali, “sirna nafu li Frendo kien jinsab f’appartament fix-Xagħra li dan l-appartament hu ta’ Ranissi Torissi.”

Spjega li f’idejh kellu l-mandat ta’ arrest u fil-fatt għall-ħabta tas-2.00pm marru biex jarrestaw lil Frendo. Hu kompla jispjega li Frendo ntaraf wara li l-investigaturi raw diversi filmati tas-sigurtà. Qal li waqt il-hold-up, Frendo deher dieħel fis-supermarket armat u ma’ wiċċu kellu maskla.

Hu kien libes flokk twil biex ikun jista’ jgħatti t-tatoos li għandu. “Iżda l-pulizija għarfu lil Frendo minħabba li l-hold-up wettqu b’shorts u t-tattoos ta’ saqajh baqgħu jidhru,” kompla jispjega l-Ispettur Camilleri.

Hekk kif il-Prosekuzzjoni spiċċat l-argumenti tagħha, Ranissi Torissi beda jitkellem b’mod aggressiv fil-konfront tal-Ispettur Xiberras minħabba xi karta ta’ kreditu li ġiet konfiskata minħabba l-inkjesta.

Kien hawn li l-Maġistrat wissietu biex ma jkomplix b’dan l-aġir, iżda Ranissi Torissi kompla għaddej bl-istess atitudni. Il-Maġistrat Grech qaltlu li jekk mhux se jieqaf kienet se tagħtih multa u kien hawn li l-avukat difensur Chris Said intervjena biex waqqaf lill-imputat milli jkompli għaddej bl-argument.

Intant id-Difiża qalet li f’dan l-istadju mhux qiegħda titlob għall-ħelsien mill-arrest, iżda talbet lill-Qorti biex hekk kif jaslu l-ħabs jiġu eżaminati minħabba problemi ta’ saħħa mentali li għandhom. 

Il-Qorti ordnat li l-imputati jibqgħu jinżammu taħt arrest fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Martina Muscat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Wayne Camilleri u Mario Xiberras, l-Avukat Chris Said deher għaż-żewġ akkużati filwaqt li l-Avukat Carmelo Galea deher għas-supermarket.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport