Żewġt irġiel, meqjusa bħala “predaturi sesswali”, intbagħtu 17-il sena ħabs bejniethom fl-Ingilterra wara li f’ġuri fi Bristol instabu ħatja, b’mod unanimu, li stupraw mara sitt snin ilu.
Riaz Muhammed, ta’ 51 sena, minn Easton fi Bristol, ingħata sentenza ta’ disa’ snin ħabs, filwaqt li Muhammed Zahid, ta’ 46 sena, minn St Philips, ingħata sentenza ta’ tmien snin ħabs.
Il-Crown Court ta’ Bristol semgħet li fl-2019, Riaz Muhammed, xufier tat-taxi, kien ġabar lill-mara biex iwassalha fil-guest house fejn riedet toqgħod.
Il-Pulizija ta’ Avon u Somerset waqt il-ġuri rrakkuntat li Riaz ġiegħel lil sieħbu Zahid biex jingħaqad miegħu u waqt li l-vittma kienet mitlufa minn sensiha, iż-żewġt irġiel stuprawha f’attakk ippjanat u sostnut.
Is-sentenza tal-Qorti li ngħatat fis-17 ta’ Diċembru li għadda, tiddikjara li ż-żewġt irġiel se jkollhom mill-inqas jiskontaw żewġ terzi tas-sentenzi tagħhom taħt kustodja, qabel ma jkunu rilaxxati “taħt liċenzja”.
Fi stqarrija konġunta, iż-żewġ uffiċjali li investigaw il-każ, ikklassifikaw lil Muhammed u Zahid bħala li huma predaturi sesswali li waslu biex attakkaw vittma vulnerabbli bit-tama li ma jkollhiex ir-rieda li tirrappurtahom.
“Madankollu, wara t-trawma li kkawżawlha, issa qed jiffaċċjaw ammont konsiderevoli ta’ żmien il-ħabs wara li ġurija sabithom ħatja”, stqarrew l-istess investigaturi.



