Riċentament żewġ żgħażagħ promettenti ċiklisti Maltin li jiffurmaw parti mit-tim Nazzjonali Malti marru għal jumejn ta’ testijiet tal-abiltajiet ċiklistiċi tagħhom mat-Team Professjonali Eolo-Kometa f’wieħed mill-kwartieri tagħhom f’Varese. Dawn kienu Luke Borg (The Cyclist), u Stefan Scerri (Gozo), filwaqt li Jacob Schembri (Mosta) li kien magħżul ukoll, tħalla barra minħabba inċident li kellu bir-rota ftit jiem qabel. Kemm Borg kif ukoll Scerri ħallew impressjoni ferm tajba waqt dawn it-testijiet. Dan kollu sar grazzi lill-Eolo-Kometa Cycling Team, lill-management u lill-istaff tagħhom għad-disponibbiltà tagħhom.
Dan l-aħħar Valerio Agnoli li huwa l-kordinatur tal-proġett ta’ ftehim li sar minn Visit Malta mal-istess Eolo-Kometa Team żar Malta fost l-oħrajn għal taħdidiet mal-uffiċċjali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu biex jaraw kull possibilta’ li hemm għal iktar koperazzjoni ta’ żvilupp taċ-ċikliżmu f’Malta. Dan grazzi wkoll għall-viżjoni tal-Ministeru tat-Turiżmu l-Onor. Clayton Bartolo u c-CEO ta’ Visit Malta, Carlo Micallef li flimkien mal-istess Valerio Agnoli u l-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, flimkien mal-klubbs affiljati magħha, lkoll jemmnu f’din il-ħolma mhux biss ta’ iktar żvilupp opportunistiku u li tiġġenera iktar turiżmu sportiv lejn pajjiżna, iżda fuq kollox li xi darba Malta għad ikollha xi ċiklista professjonali.
Barra minn dan, it-team ta’ Eolo-Kometa għandu jiġi Malta bejn 16 u l-20 ta’ Novembru li ġej għal kamp ta’ taħriġ fejn ukoll ser ikunu organizzati ġirja bir-rota f’Malta, nhar l-Ħadd 20 ta’ Novembru 2022 bil-parteċipazzjoni wkoll taċ-ċiklisti lokali flimkien maċ-ċiklisti kollha profesjonali tal-Eolo-Kometa, kif ukoll mal-Managers tagħhom l-ex-ċiklisti professjonali rebbieħa ta’ diversi unuri fost l-oħrajn tat-Tour de France u anke tal-Giro d’Italia, Alberto Contador u Ivan Basso. Din il-ġirja bir-rota se tkun ikkoordinata minn Visitmalta, Eolo Kometa Cycling Team u Valerio Agnoli, flimkien ma’ Joe Bajada, Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, li se jikkoordina liċ-ċiklisti Maltin biex jipparteċipaw f’dan l-avveniment.