Għal darb’oħra l-edukaturi se jissaħħulhom il-kundizzjonijiet tagħhom, din id-darba dawk impjegati mal-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST).
Żgħaħagħ Laburisti jilqgħu b’sodisfazzjon it-tmiem tan-negozjati li saru bejn l-MCAST u l-unjin tal-għalliema, l-MUT biex intlaħaq qbil bejniethom dwar il-ftehim kollettiv ġdid għall-edukaturi tal-MCAST. Dan jikkumplimenta t-tisħiħ fl-investiment li sar fl-aħħar snin f’din l-istituzzjoni edukattiva hekk kif l-MCAST toffri edukazzjoni u taħriġ bi tħejjija għall-karrieri differenti, filwaqt li trawwem kultura ta’ tagħlim tul il-ħajja lil eluf ta’ studenti full-time u part-time.
Fl-aħħar snin, l-istudenti u l-edukaturi qed jagħmlu użu minn binjiet ġodda, bl-aktar riċenti dak tal-Istitut tal-Informazzjoni u t-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni bl-aktar faċilitajiet moderni – investiment ta’ €14-il miljun li huwa parti minn proġett li jlaħħaq kważi €33 miljun li jinkludi wkoll binjiet ġodda għall-Faċilitajiet tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BC) fl-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport (IET) u ċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-MCAST (MRC).
Apparti minn hekk, b’sodisfazzjon ninnutaw ukoll illi dan il-kulleġġ matul l-2024, għall-ewwel darba f’Malta, beda joffri Master of Science in Veterinary Medicine – kors akkreditat fil-Levell 7 għall-istudenti li jixtiequ jsiru veterinarji.
Dan ifisser li minkejja kollox din l-istituzzjoni għandha tibqa’ toffri lill-istudenti tagħha l-aqwa livell ta’ taħriġ u formazzjoni edukattiva biex issawwar professjonisti u karrieri għas-soċjetà tagħna.