Thursday, November 14, 2024

“Żgħażagħ li jkunu telqu minn pajjiżna jistgħu jkunu ta’ sostenn meta jirritornaw lura”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jgħid dan is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti

Kien ftit tax-xhur ilu meta nħareġ studju f’pajjiżna li wera li xejn inqas minn 60 fil-mija taż-żgħażagħ f’Malta kienu esprimew ix-xewqa li jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor Ewropew. Dawn kif mistenni kien qajjem diskussjoni f’pajjiżna. Min interpreta dan il-fatt bħala xi ħaġa pożittiva u  oħrajn rawha negattiva. Li hu żgur, hu li dan is-sentiment ma insibuhx f’Malta biss, imma nsibuh f’għadd ta’ pajjiżi oħra Ewropej. Aktar mhu jgħaddi żmien aktar dan is-sentiment fost iż-żgħażagħ qed jiżdied f’pajjiżna u anke barra.

Talk.mt fl-aħħar jiem tkellmet mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażgħ u Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti. Bla tlaqlieq meta staqsejnieh dwar dan l-ammont ta’ żgħażagħ li jixtiequ jitilqu minn pajjiżna għal esperjenza barra u jekk jinkwetahx dan l-ammont ta’ żgħażagħ li jridu jitilqu, qalilna li jara li wieħed imur jgħix barra hu ta’ benefiċċju għall-iżvilupp professjonali tiegħu, apparti li meta jirritorrnaw dawn jistgħu jkunu ta’ sostenn għal pajjiżna.

Is-Segretarju Parlamentari enfasizza li “l-għażla li żagħżugħ jew żagħżugħha jmorru jgħixu f’pajjiż Ewropej twassalhom biex jesperjenzaw kulturi differenti, apparti dik ta’ pajjiżna. Apparti minnhekk, li tmur tgħix barra hu ta’ benefiċċju għall-iżvilupp professjonali ta’ dak li jkun. B’hekk nemmen li dawn iż-żgħażagħ jistgħu jkunu ta’ sostenn meta jirritornaw lura f’pajjiżna. Infatti, l-Unjoni Ewropea għandha programm proprju għaż-żgħażagħ biex jagħmlu dan, li hu ERASMUS plus u huma ħafna dawk l-istudenti Maltin li jmorru jgħixu barra għal xi perjodu taż-żmien filwaqt li jkunu qegħdin ikomplu bl-istudji barra mill-pajjiż li jkunu qegħdin fih”.

Keith Azzopardi Tanti qalilna ukoll li “llum il-ġurnata ħafna żgħażagħ qegħdin jimirħu li jilħqu l-potenzjal tagħhom fil-qasam tal-istudju u dan biex jgħollu l-livell tal-edukazzjoni tagħhom u huma ħafna dawk li jagħżlu li jagħmlu dan f’universitajiet barranin biex b’hekk jiġu anke esposti għal esperjenzi li pajjiżi Ewropej oħra joffru biex imbagħad dawk il-ħiliet li jiksbu barra, jkunu jistgħu jimplimentawhom meta jirritornaw lura Malta.”

Iż-żgħażagħ inkwetati minħabba li jaraw li l-ambjent sejjer għall-agħar?

Ma stajniex ma nistaqsuhx dwar tħassib li għandhom persentaġġ sew miż-żgħażagħ tagħna, li hu dak tal-ambjent. Ħafna jaraw li l-ambjent sejjer lura u dan hu konfermat ukoll minn stħarriġ li kien sar minn EY u li kien wera li disa’ minn kull għaxar żgħażagħ jemmen li l-ambjent sejjer għal agħar. 

Keith Azzopardi Tanti, jgħidilna li “jekk nagħtu ħarsa lejn il-manifest elettorali tal-gvern, naraw li gvern Laburista qiegħed jalloka €700 miljun fuq medda ta’ seba’ snin biex fl-ambjent tagħna noħolqu aktar spazji miftuħin biex jitgawdew miċ-ċittadini kollha”.

Se nsaħħu r-riżorsi tagħna biex nilħqu aktar żgħażagħ

Nitkellmu miegħu dwar il-problema li spiss qed nisimgħu biha fost iż-żgħażagħ tagħna li hi dik marbuta mas-saħħa mentali. Nistaqsuh dwar hemmx xi pjani biex din tkun trattata, bis-Segretarju Parlamentari jgħidilna li “l-importanza li jkollna popolazzjoni b’saħħa mentali tajba hi fondamentali. Bħala Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ se nkun qed nara li nsaħħu ir-riżorsi tagħna biex nilħqu aktar liż-żgħażagħ tagħna fosthom għandna diġa l-Aġenzija Żgħażagħ. Permezz t’hekk, iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jesprimu lilhom infushom u jibnu l-aspett emozzjonali u soċjali aktar b’saħħtu”. 

Żgħażagħ immigranti għandhom ikunu parteċipi fis-sistema demokratika ta’ pajjiżna

Staqsejnieh dwar in-nuqqas li jeżisti f’pajjiżna fejn żgħażagħ barranin fosthom immigranti li jaslu fi xtutna huma inviżibbli, fis-sens li rari nisimgħu bihom. Ma nafux kif jaħsbuha u kif qed jgħixu. Staqsejnieh jekk jaħsibx li dawn iż-żgħażagħ għandna nfittxu aktar li naraw x’qed jaħsbu u biex jikkontribwixxu f’pajjiżna bl-ideat tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari jgħidilna li “soċjetà inklussiva hi dik li tkun ibbażata fuq ir-rispett lejn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ kull bniedem minkejja d-diversitajiet li ż-żgħażagħ barranin iġibu magħhom. Fuq kollox dawn iż-żgħażagħ għandhom ikunu ukoll parteċipanti fis-sistema demokratika ta’ pajjiżna”.

Is-Segretarju Parlamentari ma naqasx li jieħu nota ta’ dan li staqsejnieh, biex isiru l-kuntatti meħtieġa.

Id-divertiment taż-żgħażagħ… jaħseb li hemm bżonn bidla fil-mentalità?

Mistoqsija dwar il-fatt li wġiegħ ta’ ras għal ħafna ġenituri hu id-divertiment taż-żgħażagħ, fejn illum il-ġenituri qed jaraw aktar minn qatt qabel li d-divertiment sar ibbażat wisq fuq konsum ta’ alkohol. Mistoqsi x’jikkummenta dwar dan u jekk jaħsibx li hemm bżonn bidla fil-mentalità, Keith Azzopardi Tanti jisħaq li “jien ġenitur ukoll ta’ żewġ ulied li għadhom iridu jaslu fl-età taż-żgħożija. Nemmen li l-bilanċ fil-ħajja hu importanti u bil-valuri u r-responsabbilità li nrawwmu l-uliedna fiha bħala soċjetà, dan jgħin biex iż-żgħażagħ tagħna jkunu kapaċi jikkontrollaw x’jagħmlu”. 

Irridu nressqu l-innovazzjoni aktar lejn in-nies

Dwar il-qasam tal-innovazzjoni, u fejn se jkun qed jieħu lil pajjiżna fil-ħames snin li ġejjin, is-Segretarju Parlamentari qalilna li “ir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom irwol essenzjali għas-soċjetà tagħna biex jattiraw impjiegi ġodda u nsaħħu dawk li diġa huma eżistenti b’mod intelliġenti u sostenibbli. B’hekk sa ħames snin oħra nħares li nkunu qegħdin inżidu l-produttività u l-kompetizzjoni  fis-suq, filwaqt li nsaħħu l-ekonomija ta’ pajjiżna u noffru opportunitajiet ġodda anke fuq livell lokali”.

Mistoqsi dwar jekk jaħsibx li għal ħafna nies is-suġġett tar-riċerka u innovazzjoni jidher li ma jappellax għalihom,  u jekk jaħsibx li hemm bżonn li r-riċerka u l-innovazzojni jitressaq aktar lejn il-pubbbliku inġenerali, qalilna li “billi nressqu r-riċerka  u l-innovazzjoni f’kull qasam soċjali u nżommu fiċ-ċentru r-riċerka, inkunu nistgħu noħolqu prodotti u servizzi ġodda li jkunu innovattivi u aċċessibbli għall-pubbliku kollu. Bħala gvern komplejna nsaħħu dan is-settur anke fil-kommunitajiet tagħna billi ħloqna l-iskema tax-Xjenza u Innovazzjoni fil-Komunità li permezz tagħha qegħdin inżidu l-għarfien u nattiraw aktar nies lejn dan is-settur. Hemm sitt kumitat li se jkunu ffurmati minn nies speċjalizzati u fosthom hemm dak tal-innovazzjoni u r-riċerka fis-saħħa u l-‘well being’, fejn bla dubju li dan hu qasam li jinteressa lin-nies. Hemm imbagħad qasam ieħor li hu dak marbut mal-użu sostenibbli tar-riżorsi għal bidla fil-klima, hemm qasam ieħor tal-manifattura għax għalina l-manifattura hi importanti, hekk il-qasam tat-teknoloġija marittima, l-avjazzjoni u t-teknoloġiji diġitali tal-futur.”

Ekonomija

Sport