Monday, December 9, 2024

ŻGĦAŻAGĦ LI JOĦOLMU U JASPIRAW

Stefano Sicari
Stefano Sicari
Student Universitarju u Kandidat Laburista

Aqra wkoll

La nikber nixtieq insir astronawta, jew tabib. Bla dubju, ħafna minna għaddew minn din il-fażi, fejn min età ċkejkna ħlomna li nkunu bħal xi ħadd li f’għajnejna konna nqisuh bħala ‘role model’.

Jien, Stefano Sicari: Karkariż u llum għandi 24 sena. Lura fl-2016, wara li temmejt l-iskola sekondarja qbadt nistudja l-inġinerija elettrika. Madankollu f’għeluq it-22 sena tiegħi xtaqt bidla u b’hekk bdejt nistudja għal Baċellerat fil-Management u l-Psikoloġija.

Tista’ tgħid li minn dejjem kienet tinteressani l-politika lokali, tant li meta kont żgħir kont ngħid li rrid insir il-Prim Ministru ta’ Malta. Hu għalhekk ukoll li ħassejt il-ħtieġa li nifforma parti minn diversi forums, fejn żgħażagħ jersqu bil-fehmiet tagħhom fuq temi kurrenti. Dan wassalni biex naspira li nikkontesta l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali f’Birkirkara, fi ħdan il-Partit Laburista.

F’dan l-artiklu ser inkun qiegħed nittratta l-importanza li tfal u żgħażagħ bħali joħolmu kbir, jaspiraw fuq dak kollu li jixtiequ jsiru la jikbru, kif ukoll l-importanza għas-sehem tal-ġenituri biex jemmnu fl-ambizzjonijiet ta’ uliedhom.

Il-kelma aspirazzjoni tista’ tiġi meqjusa bħala ħila li jkunu stabbiliti pjani għall-futur, filwaqt li jkun hemm azzjonijiet fil-preżent biex jintlaħqu l-istess skopijiet. Hu magħruf li tul l-iskola elementari, ħafna mill-aktar karrieri mixtieqa jkunu kemxejn surreali; dan għax it-tfal ta’ dik l-età, għandhom tendenza aktar lejn il-fantasija milli r-realtà. Iżda hekk kif jikbru, jibdew jirrealizzaw li mhux bilfors għandhom ikunu ‘Cristiano Ronaldo’, ‘Justin Bieber’, jew ‘Angelina Jolie’ tal-futur.

Fl-iskola primarja u dik sekondarja, il-fokus jinbidel għal karrieri aktar realistiċi (u ċertament inqas bombastiċi). Fil-fatt, studji jixhdu li fl-età ta’ bejn it-tlettax u s-sbatax-il sena, ix-xogħol tax-xjenzat, il-karrieri fil-kitba, il-qasam legali u l-inġinerija jibdew isiru karrieri aktar imfittxija. Madankollu, il-ħolm għall-futur hu meħtieġ, iżda mingħajr pjan, ħafna drabi jispiċċa jibqa’ biss ħolma.

Sabiex il-proġetti tal-futur — kbar kemm huma kbar — jistgħu jseħħu, studjużi jissuġġerixxu li wieħed għandu jiffoka fuq tliet prinċipji: l-istima personali; li jkun hemm skop, kif ukoll ir-rieda li tasal. Dawn it-tliet pilastri jingħataw mill-ġenituri lil uliedhom minn età żgħira, billi jħeġġuhom jemmnu fihom infushom, jaħdmu għal dak li jemmnu u jfaħħru l-ħiliet tagħhom.

Punt ieħor li m’għandux jaqta’ qalb it-tfal, hu l-falliment li jaslu għax-xewqat tagħhom. Din l-esperjenza ta’ falliment tgħin lil kull individwu, ukoll nies adulti, sabiex jifhmu l-iżbalji li seħħew kif ukoll jitgħallmu minnhom. Din għandha tkun ħila meħtieġa fid-dinja reali. B’hekk hu essenzjali li l-ġenituri jinkoraġġixxu lil uliedhom u jfehmuhom li hi haġa normali jekk ma jaslux mill-ewwel għall-iskopijiet tagħhom. Riżultat ta’ dan it-tfal jidraw ikunu reżiljenti u lesti aktar jistinkaw, minflok jaqtgħu qalbhom, biex jiksbu li jkunu jridu.

Kull ġenitur, għandu aspirazzjonijiet għal uliedu u nittamaw li dawn jikbru f’ambjent tajjeb, b’suċċess fl-istudji, fi professjoni tajba u li xi darba jibnu huma stess, familja mill-isbaħ. Madankollu, ma nkunux qed nonqsu jekk ma nirrikonoxxux li hemm aktar minn triq waħda biex niddefinixxu s-suċċess ta’ uliedna. M’hemm l-ebda limiti għall-ħolma tagħhom, u jekk il-ħolma tal-ulied timxi fid-direzzjoni opposta għan-normi tas-soċjetà, ma jfissirx li hemm xi ħaġa impossibbli.

Mil-lat personali nasal nikkonkludi li minn tfuliti, l-aspirazzjoni ewlenija tiegħi li nkun fil-politika kienet għar-raġuni li nemmen fis-servizz lill-poplu. Inħoss li kulħadd għandu l-ħiliet li jsegwi l-ħolm u l-ambizzjonijiet tiegħu. Dan hu l-parir tiegħi lil kulħadd, li wkoll jekk xi ħadd ma jilħaqx l-iskopijiet tiegħu, l-iktar ħaġa importanti hi li tkunu tafu x’tixtiequ minnkom infuskom. L-imħabba u l-fiduċja li wieħed jikseb billi joħloq pjan għall-futur tiegħu, kif ukoll li jistinka li jasal għal dak li verament jixtieq, hu valur imprezzabbli, li bla dubju joffri ħafna ġid.

Ekonomija

Sport