Wara ġimgħa ta’ logħob fi Vijnna għal EYC 2023, Tim Malta spiċċa dawn il-kampjonati b’bosta wirjiet rispettabbli fost l-aqwa bowlers tal-U18 fl-Ewropa.
Tim Malta għal dawn il-kampjonati kkonsista minn erba’ subien u erbat ibniet: Chris Fenech, Dwayne Zahra, Nicholas Muscat, Kayden Laganà, Kathryn Fenech, Ruslana Grima, Mia Bugeja, u Karlise Bartolo. Flimkien, dawn iż-żgħażagħ irnexxielhom iwettqu finituri multipli fit-Top 10 fost it-tliet kategoriji ewlenin.
L-aqwa ċans għal midalja ġie fil-kategorija tad-Doubles tas-subien, fejn Nicholas Muscat u Kayden Laganà spiċċaw fil-ħames post, u b’hekk, m’għaddewx għal ftit (għal differenza ta’ 62 pins biss) għas-semifinali biex jassiguraw midalja f’dawn il-kampjonati.
Jumejn wara, fil-kategoriji tat-timijiet, it-timijiet tas-subien u tal-bniet it-tnejn spiċċaw fost l-aqwa għaxar timijiet f’dawn il-kampjonati; is-subien spiċċaw fit-tmien post waqt li t-tfajliet spiċċaw fl-għaxar post.
Fost in-nisa, Karlise Bartolo rnexxielha tispiċċa s-Singles tal-bniet fid-disa’ post wara li kulħadd lagħab sitt logħbiet għal din il-kategorija. Bartolo kienet fl-ewwel post wara nofs il-logħob wara li ġabet rekord personali ġdid u l-aqwa logħba individwali tagħha ta’ 261 fejn ġabet disa’ strajks f’dik il-logħba.
Fl-aħħar avveniment f’dawn il-kampjonati, iż-żewġ subien – Dwayne Zahra u Kayden Laganà – kienu fost l-aqwa 24 bowlers f’dawn il-kampjonati, u b’hekk, ikkwalifikaw għal kategorija tal-Masters. Il-Masters għandu format ta’ knockout, ibbażat fuq serje ta’ żewġ jew tliet logħbiet fejn ir-rebbieħ ikun dak li jirbaħ żewġ logħbiet l-ewwel. Iż-żagħżugħ Malti, Nicholas Muscat – ir-rebbieħ ta’ tliet midalji fil-kampjonati tas-sena l-oħra (fost midalja tal-fidda fil-Masters) – kien ikklassifikat bħala l-25 bowler fil-kampjonati, u b’hekk, kien sfortunat biex ma kkwalifikax għal din l-aħħar kategorija.
Waqt li Dwayne Zahra tilef l-ewwel logħba tiegħu kontra Jussi Laine mill-Finlandja, Kayden Laganà kkwalifika għal Step 2 wara li għeleb lil Aleks Szczepaniak mill-Polonja bil-punteġġi: 193-235, 277-259, 265-230. Laganà lagħab serje ta’ 735 (medja ta’ 245).
Fit-tieni partita, Laganà ġie kontra Kevin Melin mill-Isvezja – l-aqwa bowler f’dawn il-kampjonati u r-rebbieħ eventwali tal-midalja tal-fidda fil-Masters. Laganà tilef kontrih f’tliet logħbiet bil-punteġġi: 227-214, 179-239, 206-225.
Dawn il-kampjonati, wara l-wirja mis-sena l-oħra fejn Tim Malta rebħet tliet midalji, għal darb’oħra ura li Malta u l-Malta Bowling Association, minkejja n-nuqqas ta’ daqs ħdejn federazzjonijiet oħrajn Ewropej, għandha wieħed mill-aqwa programmi għaż-żgħażagħ fil-bowling fl-Ewropa.