Total ta’ 41 żagħżugħ u żagħżugħa Maltin ġew magħżula biex jipparteċipaw fl-inizjattiva DiscoverEU, li hija parti mill-Programm Erasmus+ tal-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva tagħti opportunità lill-ġenerazzjoni żagħżugħa Ewropea biex jivvjaġġaw madwar l-Ewropa, jesploraw il-varjetà kulturali u jiżviluppaw ħiliet importanti għall-ħajja personali u soċjali tagħhom.
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi feraħ liż-żgħażagħ magħżula u kkonferma l-impenn tal-Gvern favur iż-żgħażagħ. “Il-Gvern se jkompli jinvesti fiż-żgħażagħ tagħna. Inizjattivi bħall-DiscoverEU jagħtu aktar minn vjaġġ – jagħtu futur. Dawn huma passi konkreti biex nilħqu l-viżjoni tagħna għal Malta 2050, li tqiegħed liż-żgħażagħ fiċ-ċentru tal-iżvilupp soċjali, ekonomiku u ambjentali tal-pajjiż,” stqarr il-Ministru.
L-inizjattiva DiscoverEU hija miftuħa għal persuni ta’ 18-il sena li huma ċittadini tal-UE. Il-parteċipanti magħżula jirċievu pass ta’ vvjaġġar li jippermettilhom jesploraw diversi pajjiżi Ewropej sa massimu ta’ 30 jum. Barra minn hekk, jingħataw ukoll DiscoverEU European Youth Card li toffri skonti u attivitajiet kulturali matul il-vjaġġ tagħhom.
L-Aġenzija tal-Programmi tal-Unjoni Ewropea (EUPA) hija l-punt ta’ kuntatt nazzjonali għal DiscoverEU f’Malta. Marvic Debono, uffiċjal fi ħdan il-Project Support Unit tal-EUPA, qalet, “Din se tkun esperjenza prezzjuża ħafna għal dawn iż-żgħażagħ. Se jgħinhom jespandu l-orizzonti tagħhom, jibnu kunfidenza fihom infushom, u jiżviluppaw ħiliet meħtieġa biex jipparteċipaw b’mod attiv fis-soċjetà.”
L-istess qal Matthew Farrugia, wieħed miż-żgħażagħ li ġew magħżula għal din l-inizjattiva, fejn iddeskriva din l-esperjenza bħala waħda li se tgħinhom jiltaqgħu ma’ nies u kulturi differenti minn madwar l-Ewropa.
Il-programm DiscoverEU jikkontribwixxi direttament lejn il-prijoritajiet tal-UE relatati ma’ sostenibbiltà, inklużjoni u parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, u jsaħħaħ ukoll l-għanijiet tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ, kif ukoll l-iżvilupp kontinwu ta’ ħiliet u tagħlim tul il-ħajja.