Saturday, November 16, 2024

Żgħażagħ u anzjani f’attivitajiet flimkien f’Marsaskala

Aqra wkoll

Fil-jiem li għaddew ġiet organizzata attività b’differenza. Il-grupp Youths Marsaskala mmexxija minn Fr Luke Cutajar u xi qassisin mill-Knisja ta’ Sant’ Anna f’Wied il-Għajn nedew avveniment miż-żgħażagħ għall-anzjani bl-iskop li l-ġenerazzjonijiet differenti mill-komunità lokali japprezzaw aktar lil xulxin.

Madwar 150 żagħżugħ u anzjan minn postijiet differenti tħalltu flimkien u interaġixxew fi grupp wieħed b’diversi workshops li kienu jinkludu mużika, lingwa, storja, divertiment, crafts u boċċi kif ukoll kwizz kbir. Dan kollu sar fil-Kulleġġ De La Salle fil-Birgu u kollox beda b’quddiesa li tqaddset minn Fr Roderick Camilleri, il-kappillan ta’ Wied il-Għajn.

Fl-aħħar tal-avveniment tqassam ukoll xi ikel u ngħataw rigali lir-rebbieħa. Kien mument verament sabiħ li tara nies ta’ etajiet differenti fi grupp wieħed, kważi kważi esperjenza unika.

Talk.mt tkellem mal-organizzatur Fr Luke Cutajar li deher ferm sodisfatt b’din l-attività li saret u li kienet waħda unika fix-xorta tagħha.

“Għażilna t-tema tal-inklużjoni f’din l-attività. Fil-fatt għażilna wkoll it-titlu “All Brothers and Sisters” ispirat proprju mill-enċiklika tal-Papa Franġisku “Fratelli Tutti. Ridna litteralment inwettqu dak li jgħid Papa Franġisku.”

“Marsaskala hi lokalità fejn hemm kulturi differenti, nies ta’ kull età, reliġjon u pajjiż differenti. Ridna nagħmlu xi ħaġa innovattiva filwaqt li ngħaqdu flimkien komunitajiet differenti.”

Fr Luke jgħidilna li kienet emozzjoni verament sabiħa meta dawn l-individwi qasmu l-esperjenzi tagħhom flimkien, kollha b’veduti differenti iżda lesti li jisimgħu lil xulxin.

Fr Frankie Cini kien wieħed mill-mistednin għal din l-attività fejn tkellem dwar l-
anzjanità inġenerali u kif wieħed jesperjenzaha. Hu perjodu partikolari fejn iż-żmien għamel tiegħu iżda fejn l-istess anzjani jistgħu jagħtu kontribut importanti lis-soċjetà inġenerali.

“L-anzjani mhux kollha xorta. Aħna naqsmuhom fi tliet kategoriji, l-anzjani ż-żgħar minn 65 sena sa 75 sena, dawk tan-nofs sa 85 sena u dawk maturi li hemm min jasal sa mitt sena. Kull min kien mistieden kellu ħafna x’jirrakkonta speċjalment fuq diversi aspetti tal-ħajja. 

F’din it-taħlita ta’ ġenerazzjonijiet, iż-żgħażagħ kellhom iċ-ċans li jistiednu lin-nanniet u adulti oħra, kif ukoll anzjani minn diversi komunitajiet fosthom in-Naxxar, Pembroke, Ħaż-Żabbar, il-Birgu u r-Rabat, li ngħaqdu għalenija maż-żgħażagħ għal dak kollu li kien hemm ippreparat.

Hekk kif iż-żgħażagħ semgħu b’attenzjoni dak li kellhom xi jgħidulhom l-anzjani, kien imiss lil tal-ewwel biex jitkellmu dwar kif jesperjenzaw il-ħajja llum il-ġurnata. Ma naqsitx il-midja soċjali fosthom il-pjattaforma ferm popolari Tik Tok fejn iż-żgħażagħ stess ippreparaw video sabiħ biex ifakkru din il-ġurnata.

Fr Luke innota wkoll xi ħaġa li verament laqtitu.

“Kien hemm ċertu xettiċiżmu għall-bidu meta konna se nħalltu ż-żgħażagħ mal-anzjani. Xi ħaġa li laqtitni kien li meta konna se nibdew l-attività l-istess anzjani u żgħażagħ qagħdu għalihom, forsi anke minħabba l-mistħija. Iżda ftit ftit u aktar ma beda jgħaddi l-ħin, bdew jingħaqdu sa ma fl-aħħar anke nqasmu fi gruppi żgħar.”

“Ħafna qalulna sabiex nerġgħu nagħmlu attività bħal din u fil-fatt diġà qed naħsbu
sabiex żgħażagħ u anzjani jerġa’ jkollhom sessjoni oħra interattiva.

Iżda x’inhuma l-proġetti li għandhom ippjanati Youth Marsaskala fil-ġimgħat li ġejjin?

“Għad fadlilna ħafna proġetti oħra ġejjin u li qed naħsbu għalihom. Il-ġimgħa d-dieħla t-tema se tkun l-inklużjoni soċjali ta’ persuni b’abbiltajiet differenti, fosthom persuni li ser jipparteċipaw maż-żgħażagħ bl-għajnuna tad-Down Syndrome Association”

“Se norganizzaw ukoll Sports Day b’differenza f’Ta’ Qali, u se nikkollaboraw ma’ diversi entitajiet fosthom il-Kumitat Paralimpiku, Para Volley, Wolves Rugby Team u AġenzijamŻgħażagħ. L-attivitajiet jinkludu sports bħal Wheelchair Basketball, Blind Football, Sitting Volley, Obstacle course, tag rugby u capture the flag.”

Fr Luke Cutajar jgħid li dawn l-attivitajiet kollha huma mmirati għall-persuni b’abbiltajiet kollha u sejħilha bħala ċelebrazzjoni tal-inklużjoni fit-totalità tagħha.

Ħafna jgħidu li ż-żgħażagħ m’għadx għandhom valuri u kollox jgħaddi għalihom. Fr Luke jaħsibha differenti.

“Jekk liż-żgħażagħ tagħtihom responsabbiltà, huma se jagħtu risposta u barra minn hekk ikunu responsabbli. Jekk jingħataw l-ispazju kapaċi jagħmlu affarijiet kbar bħalma qed jagħmlu hawnhekk f’Wied il-Għajn u lil hinn minnu.”

“Hu veru li ż-żgħażagħ illum qed jiltaqgħu ma’ ħafna tfixkil u tentazzjonijiet iżda jekk toħolqilhom sitwazzjoni ideali, eżempju tajjeb jistgħu jagħtu. Jien personalment għandi fiduċja fiż-żgħażagħ!”

Sadanittant, Youths Marsaskala sostnew li dawn l-attivitajiet qed iseħħu għax jixtiequ jwasslu l-messaġġ importanti ta’ inklużjoni u l-fraternità bejn persuni differenti. Illum il-ġurnata Malta hi miżgħuda b’diversi kulturi differenti u għalhekk tajjeb li kulħadd jingħaqad flimkien sabiex fl-aħħar mill-aħħar ma jkunx hemm barrieri u kulħadd jitkellem il-lingwa universali tal-imħabba. Wara kollox bħalma jgħidu l-istess Youths Marsaskala, “irridu nibnu fuq dak li jgħaqqadna bħala komunità.”

Ekonomija

Sport