Friday, April 26, 2024

Żgumbrati appartamenti wara li persuni nstabu jgħixu fihom illegalment fil-Ħamrun

Il-Ministru Roderick Galdes jsostni li m’għandu jkun ittollerat l-ebda abbuż biex ngħixu f’ġustizzja

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Min jemmen fil-ġustizzja soċjali ma jistax jittollera l-abbuż.” Iddikjara dan il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes filwaqt li kkonferma dwar azzjoni li ttieħdet aktar kmieni dalgħodu biex jitwaqqaf abbuż fi blokka fil-Ħamrun. 

Galdes qal li jinsab infurmat li numru ta’ uffiċjali kienu involuti f’operazzjoni fi blokka ta’ akkomodazzjoni soċjali fejn numru ta’ persuni kienu qegħdin jirrisjedu mingħajr titlu.

Il-Ministru kompla biex jgħid li bħalma sostna fil-passat, ikun nuqqas kbir li l-awtoritajiet jippermettu lil min jabbuża mill-assi tal-poplu li huma intenzjonati għal min verament għandu bżonn. Fakkar li din kienet waħda mir-raġunijiet għalfejn fl-aħħar snin ssaħħet it-taqsima tal-infurzar fi ħdan l-istess Awtorità tad-Djar.

“Nirringrazzja b’mod partikolari diversi taqsmiet mill-Awtorità tad-Djar li ħadmu fuq dan il-każ kif ukoll lill-Korp tal-Pulizija tal-għajnuna tagħhom waqt din l-operazzjoni”, temm jgħid il-Ministru.

L-azzjoni ta’ żgumbrament saret permezz ta’ mandat tal-Qorti wara twissijiet li nħarġu fil-konfront ta’ persuni li kienu qegħdin jgħixu illegalment f’dawn l-appartamenti minħabba li ma kellhomx titlu biex jibqgħu jirrisjedu fihom.

Skont investigazzjoni li saret irriżulta li uħud minn dawk żgumbrati saħansitra baqgħu jgħixu f’dawn l-appartamenti minkejja li kellhom imniżżel indirizz ieħor fuq il-karta tal-identità tagħhom.

Dawn il-persuni se jkunu qegħdin jiġu offruti l-għajnuna mill-Awtorità tad-Djar li toffri sussidju lil persuni li jkunu qegħdin ifittxu għajnuna biex ikunu jistgħu jgħixu fil-kera.

Sport