Sunday, November 24, 2024

Żidiet storiċi fil-pensjonijiet tas-servizz għall-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati

23% żieda fuq il-pensjoni tas-servizz għal 29 sena ta’ ħidma

Aqra wkoll

Tidħol fis-seħħ miżura tal-Manifest Malta Flimkien, b’żidiet storiċi fil-pensjoni tas-servizzi għall-ħaddiema fl-erba’ korpi dixxiplinati ta’ pajjiżna. B’hekk, minn issa ’l quddiem, il-ħaddiema li jagħtu servizz ta’ 29 sena se jirċievu żieda ta’ 23% fil-pensjoni tagħhom wara li jirtiraw. L-inizjattiva qed tkun konsolidata bl-inċentiv ta’ somma mhux taxxabbli għal 4 snin ħidma addizzjonali fuq id-29 sena servizz, u li tkun addizzjonali għat-23% żieda.

Dan kien spjegat f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri. Din il-miżura se tibda titħaddem mill-1 ta’ Ottubru 2023 u se tolqot direttament lill-ħaddiema fil-Korp tal-Pulizija, il-Forzi Armati ta’ Malta, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.

Il-Ministru Byron Camilleri spjega li mal-ħemel ta’ investiment li sar fis-setturi tas-sigurtà f’pajjiżna, il-gvern qed jinvesti fir-riżorsa l-aktar importanti, jiġifieri fil-ħaddiem. Huwa qal li fl-aħħar snin pajjiżna kellu tisħiħ ekonomiku li ġab miegħu diversità usa’ u aspettattivi ġodda minn soċjetà moderna u dinamika, li eventwalment żied id-domanda biex il-korpi dixxiplinati jagħtu aktar servizzi.

F’dan l-isfond, il-Ministru Camilleri enfasizza dwar l-importanza tat-tisħiħ fil-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati, u li permezz tal-implimentazzjoni ta’ din il-wegħda elettorali, membri tal-korpi dixxiplinati qed jiġu inċentivati li jkomplu jkunu ta’ servizz għan-nies u għal Malta u Għawdex.

“Biż-żieda fil-pensjoni tal-ħaddiema fil-korpi dixxiplinati qed tiġi ppremjata l-bżulija u daqstant ieħor qed jinħoloq ambjent li fih il-ħaddiema jsaħħu l-karrieri tagħhom kif ukoll li jaqsmu l-esperjenzi tax-xogħol ma’ ħaddiema ġodda fis-settur,” temm jgħid il-Ministru Byron Camilleri.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-gvern dejjem ippremja l-bżulija, kemm għal dawk li daħlu għall-ewwel darba fid-dinja tax-xogħol kif ukoll għall-persuni li jagħżlu li jibqgħu fid-dinja tax-xogħol. Huwa kompla li dan se jwassal biex ma jintilifx ċertu talent u esperjenza, speċjalment f’dawk li huma membri tal-korpi.

“Biex uffiċjal ikun inċentivat aktar sabiex itawwal is-servizz lil hinn minn 29 sena, hemm inċentiv addizzjonali. Dan se jkun ħlas ta’ sitt xhur salarju għal kull sena addizzjonali li l-uffiċjal jagħmel fuq id-29 sena servizz. Dan jista’ jsir sa’ massimu ta’ erba’ snin servizz – li jfisser li fuq medda ta’ erba’ snin se jieħu sentejn salarju. L-inċentiv jitħallas bħala lump sum hekk kif l-uffiċjal jilħaq it-33 sena servizz u anke jekk jagħżel li ma jirtirax u jkompli fis-servizz,” temm jgħid il-Ministru Falzon.

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet, li saret fil-Kwartieri tal-Iskwadra tal-Ajru tal-Forzi Armati, kien hemm uffiċjali tal-unjins li jirrappreżentaw il-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati, flimkien ma’ rappreżentanti oħra tas-servizz pubbliku.

Sport