Frar ta’ din is-sena ra żieda ta’ 6.1% fil-bejgħ tal-proprjetajiet residenzjali meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet.
Dan tħabbar f’rapport li ġie ppubblikat mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatisika (NSO) fejn intqal ukoll li fi Frar 2026, il-kuntratti taʼ bejgħ u l-konvenji taʼ proprjetajiet residenzjali ammontaw għal 1,095 u 1,328, rispettivament.
L-NSO jirraporta li fi Frar ta’ din is-sena l-għadd taʼ kuntratti taʼ bejgħ taʼ proprjetajiet residenzjali ammonta għal 1,095, li juri żieda taʼ 6.1 fil-mija meta mqabbel maʼ dawk irreġistrati fi Frar 2025. Bʼkollox, il-valur taʼ dawn il-kuntratti laħaq it-€352.8 miljun, żieda taʼ 16.8 fil-mija meta mqabbel mal-valur irreġistrat fi Frar 2025.
Il-maġġoranza tal-kuntratti saru minn individwi
L-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatisika jgħid li fi Frar li għadda 992 (jew 90.6 fil-mija) tal-kuntratti saru minn individwi, filwaqt li kważi l-bqija tal-kuntratti l-oħra kienu magħmulin minn kumpaniji.
Il-valur tal-kuntratti li jinvolvu individwi ammonta għal €255.1 miljun, li huwa ekwivalenti għal 72.3 fil-mija tal-valur kollu.
San Pawl il-Baħar bl-aktar bejgħ
Fl-istess rapport ippubblikat intqal li l-akbar ammont taʼ kuntratti taʼ bejgħ kien irreġistrat fʼdawn il-lokalitajiet: San Pawl Il-Baħar b’94 kuntratt filwaqt li f’Birkirkara kien hemm 56. Wara imbagħad l-akbar ammont ta’ proprjetajiet sar fil-Mosta fejn hemm saru 53 kuntratt.
Intant, fix-xahar taʼ riferenza, l-għadd taʼ proprjetajiet irreġistrati fil-kuntratti taʼ bejgħ laħaq l-1,180. L-Appartamenti (457) u l-Garaxxijiet (250) irreġistraw l-akbar sehem mit-total, bi 38.7 fil-mija u bʼ21.2 fil-mija, rispettivament.
Żieda ta’ 6.2% fil-konvenji
L-NSO jirraporta wkoll li fi Frar 2026, kienu rreġistrati 1,328 konvenju taʼ proprjetajiet residenzjali, li huma riflessi f’żieda taʼ 6.2 fil-mija fuq is-sena taʼ qabel.
Bʼkollox, il-valur taʼ dawn il-konvenji laħaq l-€458.8 miljun, żieda taʼ 10.9 fil-mija meta mqabbel mal-valur irreġistrat fi Frar 2025. L-individwi involuti fʼdawn il-konvenji kienu jgħoddu 1,211 (jew 91.2 fil-mija), filwaqt li l-bqija involvew kumpaniji.
San Pawl il-Baħar kien hemm l-akbar għadd ta’ konvenji rreġistrati fi Frar li għadda b’105 filwaqt li Birkirikara kien hemm 84 konvenju. Marsaskala imbagħad kien hemm 53 konvenju rreġistrati fi Frar li għadda.

