FʼNovembru li għadda, l-għadd taʼ kuntratti taʼ bejgħ taʼ proprjetajiet residenzjali kien jammonta għal 1,083, li juri żieda taʼ 8.4 fil-mija meta mqabbel maʼ dawk irreġistrati fʼNovembru 2024. Bʼkollox, il-valur taʼ dawn il-kuntratti laħaq it-€321.5 miljun, żieda taʼ 4.5 fil-mija meta mqabbel mal-valur irreġistrat fʼNovembru 2024.
Fix-xahar ta’ referenza, 987 tal-kuntratti kienu jikkonsistu minn individwi, filwaqt li kważi l-bqija tal-kuntratti l-oħra kienu magħmulin minn kumpaniji. Il-valur tal-kuntratti li jinvolvu individwi kien jammonta għal €259.3 miljun, li huwa ekwivalenti għal 80.7 fil-mija tal-valur kollu.
FʼNovembru 2025, l-akbar ammonti taʼ kuntratti taʼ bejgħ kienu rreġistrati fid-Distrett tat-Tramuntana tal-Port u fid-Distrett tat-Tramuntana, bʼtotali taʼ 258 u 230 kuntratt, rispettivament. Min-naħa l-oħra, l-inqas numri taʼ kuntratti kienu nnotati fid-Distrett tal-Punent, u fid-Distrett tʼGħawdex u Kemmuna, bʼ122 u bʼ134 kuntratt, rispettivament.
L-akbar ammonti taʼ kuntratti taʼ bejgħ kienu rreġistrati fʼdawn il-lokalitajiet: San Pawl il-Baħar (88), Il-Mosta (58) u Marsaskala (47). Dawn il-kuntratti kienu jgħoddu 17.8 fil-mija tal-kuntratti kollha rreġistrati fʼNovembru 2025.
Konvenji
FʼNovembru 2025, kienu rreġistrati 1,243 konvenju taʼ proprjetajiet residenzjali, li huma riflessi fʼżieda taʼ 6.8 fil-mija fuq is-sena taʼ qabel. L-individwi li kienu involuti fʼdawn il-konvenji kienu jgħoddu 1,115 (jew 89.7 fil-mija), filwaqt li l-bqija kienu jinvolvu kumpaniji.
L-akbar għadd taʼ konvenji taʼ proprjetajiet residenzjali kien irreġistrat fid-Distrett tat-Tramuntana tal-Port bi 374 konvenju, segwit mid-Distrett tat-Tramuntana bʼ222 konvenju. Min-naħa l-oħra, l-inqas ammonti taʼ konvenji dehru fid-Distrett tal-Punent, u fid-Distrett tʼGħawdex u Kemmuna, bʼ136 u bʼ145 konvenju, rispettivament.
L-akbar għadd taʼ konvenji kien irreġistrat fʼdawn il-lokalitajiet: San Pawl Il-Baħar (96), Birkirkara (76) u Ħal Qormi (48). Dawn il-konvenji kienu jgħoddu 17.7 fil-mija tal-konvenji kollha rreġistrati fʼNovembru 2025.

