Statistika ppublikata mill-Eurostat tindika li s-sena li għaddiet is-salarju medju ta’ persuna full-time f’pajjiżna kien t-tlettax l-għola madwar l-Ewropa. Dan hekk kif laħaq €33,499, b’żieda ta’ 7% fuq sena qabel, b’kuntrast ta’ żieda medja ta’ 5% madwar l-Unjoni Ewropea.
L-istatistika tal-Eurostat tindika li bejn l-2012 u l-2024 il-paga medja żdiedet b’ €13,594. Dan kien aktar mid-doppju taż-żieda li kienet osservata f’Malta bejn s-sena 2000 u l-2012. Jiġifieri mentri taħt Gvernijiet Laburista kull sena bħala medja ngħatat żieda ta’ €1,133, jew €21.79 fil-ġimgħa; taħt Gvernijiet Nazzjonalista ż-żieda medja kienet ta’ €546 biss, jew €10.49 fil-ġimgħa.

Iċ-ċifri tal-Eurostat jindikaw li fi tnax-il sena l-paga medja f’pajjiżna żdiedet b’68%, jew kważi bid-doppju tar-rata madwar l-Unjoni, li kienet 39%. Id-differenza toħroġ ferm aktar meta wieħed iħares lejn pajjiżi bħall-Italja, fejn il-pagi żdiedu b’19% biss, jew il-Greċja fejn il-paga saħansitra naqset b’6%. Anke fl-Isvezja, pajjiż magħruf għall-ġenerożita fil-pagi, fl-aħħar tnax-il sena ż-żieda kienet 5% biss, jew erbatax-il darba anqas minn Malta.
Intant kemm ilu Prim Ministru Dr Robert Abela, l-paga medja żdiedet b’ €6,646, jew bi kwart ta’ li kienet qabel faqgħet il-pandemija. B’kuntrast taħt l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista, l-paga medja kienet żdiedet b’€3,571 biss, jew kważi bin-nofs. Filfatt iż-żieda fil-paga medja kemm ilu Prim Ministru Dr Robert Abela hija akbar miż-żieda kollha fl-aħħar tlett amministrazzjonijiet Nazzjonalisti bejn s-sena 2000 u l-2012. Taħt Dr Robert Abela il-paga medja f’Malta żdiedet b’rata ferm għola mill-medja Ewropea, kif ukoll mill-pagi fil-pajjiżi ġirien tagħna.
L-inizjattiva meħuda fil-Baġit li l-Gvern ser jibda jiffinanzja bejn 65% u 80% taż-żieda fil-pagi fis-settur privat mistennija li tkompli tixpruna t-tendenza ta’ żieda fis-salarji tal-ħaddiema. Il-Gvern bħala parti mill-Viżjoni Malta 2050 huwa kommess li d-dħul tal-familji Maltin u Għawdxin jisboq bil-bosta id-dħul tal-familji Ewropej.

