Hekk kif l-Arabja Sawdija, l-Iraq u bosta pajjiżi tal-golf qalu lbieraħ li kienu qed jaqtgħu l-produzzjoni b’aktar minn nofs biljun barmil żejt kuljum, is-suq ra żieda qawwija fil-prezz.
Il-prezz taż-żejt mhux raffinat Brent żdied b’aktar minn 5% li jfisser li issa ġie jiswa $84 il-barmil.
Ekonomisti li tkellmu mal-midja internazzjonali dwar dawn l-aħħar żviluppi qalu li prezzijiet ogħla taż-żejt se jkomplu jagħmilha aktar diffiċli lill-Gvernijiet madwar id-dinja biex inaqqsu l-għoli tal-ħajja.
Diversi Gvernijiet qegħdin jaraw kif jistgħu jnaqqsu l-inflazzjoni li ħakmet lid-dinja fuq quddiem nett pajjiżi Ewropej.
Il-grupp ta’ monitoraġġ RAC qal li mhux qed jistennew żieda fil-prezzijiet tal-fjuwils b’mod immedjat minkejja li kien hemm żieda fil-prezz.
Ir-Russja li bħalissa qiegħda fi gwerra mal-Ukranja kif ukoll “fil-gwerra” mal-pajjiżi tal-Punent qalet li d-deċiżjoni tagħha li kienet ħadet li tnaqqas il-produzzjoni b’nofs miljun barmil żejt kuljum se tiġi estiża sal-aħħar tas-sena.
Minħabba din id-deċiżjoni, il-kumpaniji BP u Shell raw żieda ta’ 4% fis-sehem tal-prezzijiet tagħhom.
L-Istati Uniti qiegħda tappella lill-produtturi taż-żejt biex b’mod immedjat jergħu jżidu l-produzzjoni biex b’hekk ikunu jistgħu jnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija.