Kien aktar minn sena u disa’ xhur meta bdejna naraw l-inflazzjoni tgħolli rasha bil-mod il-mod. Ħadet imbagħad żvolta u baqgħa tirranka ‘l fuq mal-gwerra fl-Ukrajna fi Frar tas-sena li għaddiet. Minn hemm ‘lquddiem imbagħad bdejna naraw prezzijiet telgħin ‘l fuq.
Prezzijiet jinbidlu minn ġimgħa għal ġimgħa. Fil-bidu l-iskuża kienet minħabba l-gwerra u kif din affettwat il-provvisti. Ġara iżda li aktar ma beda jgħaddi żmien aktar wieħed beda jinduna li ma kinux qegħdin jogħlew prodotti biss li ġejjin minn fein hemm il-gwerra imma anke prodotti oħra li ġejjin minn żoni totalment differenti minn madwar id-dinja. Fix-xhur ta’ wara imbagħad bdejna naraw ir-riżultati finanzjarji ta’ kumpani u korporazzjonjiet kbar.
Bdew iħabbru profitt rekord. Profitti ferm u ferm akbar minn dawk tas-snin ta’ qabel. Profitti rekord fi żmien ta’ inflazzjoni. Saru studju minn diversi istituzzjonijiet u nstab li l-koporazzjonijiet kienu approfittaw mis-sitwazzjoni tal-inflazzjoni u huma komplew żiduha billi għollew l-prezzijiet.
Issa anke f’pajjiżna qiegħed ikollna studji bħal dan li twettaq minn Sagalytics li qiegħed juri kif anke l-poplu Malti fil-maġġoranza kbira tiegħu qiegħed jara li l-prezzijiet żdiedu minħabba deċiżjonijiet minn negozji. Qegħdin naraw ukoll li minn dan l-istudju joħorġu xejriet li ma nistgħux ma nagħtux kashom. Xejriet marbutin ma’ x’se jkun il-pass li jmiss mill-konsumaturi jekk l-inflazzjoni tibqa’ għaddejja.
Irridu nirrmarkaw li l-inflazzjoni f’pajjiżna hi madwar 6 fil-mija, u għalkemm ħdejn dik ta’ pajjiżi oħra Ewropej hi baxxa, xorta waħda hi madwar 3 fil-mija aktar minn dak stipulat mir-regolmenti tal-Unjoni Ewropea.
Maġġoranza ta’ Maltin qegħdin jindikaw b’mod ċar li jekk il-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali se jkomplu jogħlew fil-futur qrib, huma mhux se jkollhom triq oħra għajr li jnaqqsu ix-xejra tal-konsum tagħhom. Ma’ dawn hemm oħrajn li ddikjaraw li jekk il-prezzijiet se jkomplu jogħlew se jkollhom jitolbu żieda fil-paga. M’hemmx dubju li dawn huma deċiżjonijiet li jkollhom impatt fuq l-ekonomija, fuq it-tkabbir ekonomiku u fuq il-ġid nazzjonali.
Barra pajjiżna qegħdin naraw pajjiżi jieħu miżuri pjuttost drastiċi. Jekk nieħdu Franza naraw li dawn daħħlu miżura biex xejn inqas minn 5,000 prodott, ma jistgħux jiżdiedu fil-prezz is-sena d-dieħla, ħlief jekk il-prezz ikun se jitbaxxa. Jidher li hemm pajjiżi oħra li qegħdin jikkunsdiraw azzonijiet simili. Miżura li bla dubju ta’ tqajjem argumenti sħaħ, favur u kontra.
Mhemm ebda dubju li anki f’pajjiżna hemm bżonn li nagħfsu aktar biex l-inflazzjoni tkun kontrollata. Li jkun hemm sistema li l-konsumaturi jistgħu jqabblu l-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali, hi waħda mill-miżuri li tista’ tgħin għax tnaqqas l-abbuż. Fuq kollox, f’inflazzjoni diġa għolja, ma jistax ikollna din is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ informazzjoni għall-konsumaturi. Ma ninsewx li s-suq ħieles jaħdem sew jekk ikun hemm l-informazzjoni kollha diponibbli għall-konsumaturi.
Nemmnu ukoll li minkejja pressjonijiet mill-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea biex jitneħħa is-sussidju fuq l-elettriku u fuq il-fjuwil, hi deċiżjoni tajba li dan is-sussidju se jinżamm għax finalment huma l-konsumaturi li qegħdin jiggwadanjaw minnu. Dan iżda ma jfissirx li rridu nieqfu hemm. Hawn sitwazzjoni ta’ abbuż fil-konsum ta’ enerġija u anke fil-fjuwil. Il-ħela mhi tajba għal ħadd u ma tagħmilx ġid. Din għandha tiġi trattata. Is-sussidju mhux qiegħed hemm biex nabbużaw minnu. Nemmnu li l-ħela għandha tkun indirizzata.