L-aħħar ċifri pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għat-tielet kwart ta’ din is-sena, jiġifieri bejn Lulju u Settembru, urew li l-vetturi liċenzjati fit-toroq ta’ pajjiżna żdiedu b’aktar minn 3,000. Din iż-żieda mhijiex ċkejkna imma hija kważi l-istess daqs żidiet li kellna kull sena fl-għadd tal-vetturi f’dawn l-aħħar għaxar snin.
Iż-żieda ta’ karozzi u tipi oħra ta’ vetturi oħra fit-toroq tagħna hija kostanti. U allura l-mistoqsija ewlenija toħroġ waħedha – għaliex il-vetturi qed jiżdiedu ta kull sena? It-tweġiba, fil-fehma tagħna hija waħda sempliċi. Hija l-konsegwenza tal-affluwenza li tkattret f’pajjiżna kemm ilu jmexxi gvern Laburista. Affluwenza li ħolqot problemi u ġabet ukoll sfidi daqskemm iġġenerat ġid u prosperità.
U bla dubju, waħda minn dawn il-problemi hija dik tat-traffiku. Kull darba li jiżdiedu l-vetturi fit-toroq, anki jekk f’ammont żgħir, se jkun hemm impatt fuq il-volum ta’ traffiku. Se jkun hemm ukoll waqtiet ta’ konġestjoni f’ċertu nħawi u żoni.
Din ir-realtà iżda, il-Partit Nazzjonalista ma jirrikonoxxihiex, bħalma mhux jirrikonoxxi l-isforzi bla heda tal-Gvern, partikularment tal-Ministeru tat-Trasport, biex il-problema tat-traffiku tiġi mitigata.
Il-Partit Nazzjonalista u l-midja tiegħu, flok jgħidulna kif huma jistgħu jsolvu din il-problema tat-traffiku, moħħhom biss li jattakkaw u jippruvaw jirridikolaw. Erħilu li mbagħad jgħidu li huma lesti bħala gvern alternattiv. Jippretendu li huma gvern alternattiv meta m’għandhomx l-iċken idea kif isolvu l-problemi u sfidi oħra tal-pajjiż, jekk u meta xi darba jirbħu lura l-fiduċja tal-poplu. Għalhekk mhumiex konsistenti f’dak li jagħmlu u jgħidu.
Li huwa żgur stat ta’ fatt hu li fi żmien ta’ Gvernijiet Nazzjonalista tal-passat, it-traffiku ma tantx kien ikun problema għall-Maltin. Ma kienx ikun problema għax kuntrarjament għal-lum, il-Maltin ta’ dak iż-żmien ma kellhomx wisq biex jixtru karozza. F’dawk iż-żminijiet, il-familji kienu mgħattnin bil-piżijiet tal-kontijiet, bil-prezzijiet tal-fjuwil jogħlew minn xahar għal xahar u bl-għoli tal-ħajja jirranka kuljum.
Għadna niftakru sew li s-soluzzjoni li offrielna l-Gvern Nazzjonalista għall-għoli tal-ħajja kienet li nduru minn ħanut għall-ieħor biex isibu minn fejn nixtru bl-irħis. Dik kienet is-soluzzjoni dakinhar.
U m’għandniex l-iċken dubju li l-PN tal-lum mhux daqstant differenti minn dawk tal-imgħoddi. Wera b’mod ċar aktar minn darba anki riċentement li bħala organizzazzjoni politika, la għandu viżjoni u wisq inqas pożizzjoni għall-futur ta’ ċertu aspetti kruċjali tal-ħajja Maltija ta’ kuljum.
Mill-banda l-oħra, bħalma sab kif iħoll problemi oħra, kbar u mhumiex, li sab ma’ wiċċu, hekk ukoll aħna konvinti li se jkun Gvern Laburista li jsolvi wkoll il-problema tat-traffiku.

