Saturday, February 21, 2026

ŻIEDA FIN-NEFQA’ MILITARI FL-UE MIX SOLUZZJONI

Aqra wkoll

Ftit tax-xhur ilu, il-President tal-Kummissjoni Ewropea għamlet id-diskors tal-Istat tal-Unjoni. Diskors li sar fi żmien li fih l-Unjoni Ewropea qiegħda turi kemm hi dgħajfa fil-qasam internazzjonali. Imma mhux biss. Hemm dgħjufija anke fejn jidħlu l-Istati membri li wieħed jista’ jgħid li qatt daqs illum ma’ kien hemm  tensjonijiet bejniethom.

Unjoni Ewropea li narawha tintervjeni b’mod difett fil-kunflitt Ukren, imma imbagħad twarrab għal kollox, tinjora u tkun indifferenti lejn dak li qiegħed jiġri f’Gaża.  L-attakki imwettqin mill-Gvern ta’ Netanyahu fuq Gaża, l-Unjoni Ewropea għażlet dejjem li tinjorahom minkejja l-vittmi li kienu qegħdin iħallu. Atteġġjament minn Unjoni Ewropea li twaqqfet fuq is-solidarjetà u d-difiża tad-drittijiet umani.

Minn wara dak id-diskors tal-Istat tal-Unjoni, qegħdin nibqgħu naraw kemm l-Unjoni Ewropea għadha qiegħda tissielet biex tgħaqqad l-ideali ambizzjużi tagħha mar-realtajiet.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea kienet saħqet fuq dak li sejħet “Mument tal-Indipendenza tal-Ewropa”. Dakinhar mhux kulħadd fehem għalkemm il-pjani sottili kienu ilhom jinstemgħu. Illum jidher ħafna u ħafna aktar ċar fejn hi serja l-Unioni Ewropa.  L-għan hu ċar u hu dak li timmobilizza l-awtonomija strateġika tal-blokk. Dan il-ħsieb hu imbuttat b’qawwa mill-Franċiżi u jinvolvi s-setturi militari, l-indipendenza ekonomika u politika.

Imma ejja ngħiduha kif inhi, hu kompletament żbaljat li naħsbu li l-indipendenza tal-Unjoni Ewropea se tiġi b’sempliċi dikjarazzjoni.  Dikjarazzjoni tibqa’ dikjarazzjoni jekk ma taħdimx biex titwettaq. Biex l-Unjoni Ewropea tikseb dak li sejħet “Mument ta’ Indipendenza’, hemm bżonn pjani ċari. Kompetenza. Kredibilità. Koerenza.  U dan ma jiġix mil-lum għal għada. 

Dakinhar il-President tal-Kummissjoni Ewropea enfasizzat id-difiża. Kienet  ipproponiet il-European Defence Semester u pjan għal investiment militari ta’ €800 biljun. Immaġinaw x’nefqa u kemm dawk il-flus jistgħu jintużaw aħjar biex minnhom igawdu iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea fosthom dawn żvantaġġjati.

U fejn tidħol il-mira u l-infieq fuq id-difiża u l-armi, kienet semmiet il-proposta biex l-iżbilanċi finanzjarji relatati mad-difiża jiġu eżentati mir-regoli fiskali tal-istess Unjni Ewropea. Dan ovvjament hemm riskju fih li mhux żgħir. Pjani simili jwasslu għal riskju li jimmina d-dixxiplina fiskali li żżomm lill-Unjoni Ewropea magħquda. 

U waqt li l-Unjoni Ewropea tibqa’ tgħaddas rasha fir-ramel u tibqa’ għaddejja bi pjani biex tiżdied in-nefqa’ militari u biex tarma lilha nfisha militarment,  hu ċar ħafna li dak li verament għandha bżonn l-Unjoni Ewropea mhuwiex dak.

Meta għandek pajjiżi bi djun kbar fosthom Franża u l-Italja, u metą hemm problemi ta’ tkabbir ekonomiku f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej, hu ċar li dak li għandha bżonn l-Unjoni Ewropea hu ekonomija kompetittiva. Jekk nieħdu Franza naraw li din  tinsab f’xifer ta’ kriżi fiskali.

Bid-dejn nazzjonali jaqbeż it-€3.3 triljun u defiċit ta’ 5.8 fil-mija. Franza hi pajjiż li jonfoq aktar fuq imgħax milli fuq l-edukazzjoni. L-Italja tinsab f’sitwazzjoni imwiegħra ukoll. U allura x’sens jagħmel li dawn iżidu n-nefqa militari meta għandhom bżonn flus f’oqsma oħra. 

Irridu nirrmarkaw li l-Unjoni Ewropea, dak li għandha bżonn illum hu li  tikkompeti ma’ kompetituri b’saħħithom ekonomikament fosthom iċ-Ċina. Ma’ dan irridu ngħidu li l-Unjoni Ewropea għandha ukoll il-kompetizzjoni minn naħa tal-Istati Uniti, li fl-aħħar ġimgħat rajna jiddistakkaw sew ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat. 

Nemmnu li s-soluzzjonijiet mhux li tiżdied in-nefqa fl-armi. Id-direzzjoni ‘lquddiem mhux li żżid l-armamenti imma li jkollok strateġija iffukata b’miri ċari ta’ kif se se ttejjeb il-kompetittività.

Ta’ kif se jinħoloq il-ġid biex minnu gawdu dask li qegħdin ibatu jew li jinsabu fin-naħa t’isfel. Hi  sfortuna li jidher li l-unika direzzjoni tal-Unjoni Ewropea hi tgħin lill-korporazzjonijiet il-kbar jkomplu jagħmlu l-profitti, waqt li żżid in-nefqa fuq l-armi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport