L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva qed tkompli ssaħħaħ l-iskema li permezz tagħha dawk l-anzjani li jagħżlu li jibqgħu jgħixu fid-dar tagħhom iżda jħossu li għandhom bżonn għajnuna fissa ta’ carer magħhom fid-dar issa jibbenefikaw minn żieda fl-għajnuna finanzjarja.
Dan huwa investiment ieħor li jingħaqad ma’ numru ta’ inizjattivi u servizzi mnedija mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità li lkoll huma maħsuba sabiex jgħinu lill-anzjani jkomplu jgħixu ħajjithom mal-għeżież tagħhom fil-komunità. Aktar minn 1,100 anzjan u anzjana qed jibbenefikaw minn din l-iskema, u permezz taż-żieda mħabbra fil-Budget 2026, matul din is-sena se jkunu eliġibbli għal għajnuna finanzjarja sa massimu ta’ €9,000.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, fejn inkoraġġixxa aktar anzjani u qraba tagħhom sabiex jagħmlu kuntatt dirett mal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għal aktar informazzjoni dwar din l-iskema li minnha nfisha hija wens konkret għal dawk l-anzjani li jistgħu jkomplu jgawdu indipendenza akbar billi jibqgħu jgħixu fil-kumditajiet tad-djar privati tagħhom, fl-istess waqt li jkollhom il-kumpanija u l-għajnuna ta’ carer magħhom il-ħin kollu.
Fil-kuntest ta’ anzjani dejjem aktar attivi fil-komunità, is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea ħabbar ukoll li fiż-żmien li ġej iċ-Ċentru ta’ Anzjanità Attiva ta’ Ħad-Dingli, fejn ittellgħet l-attività ta’ dalgħodu, ser ikun qed jiġi rinovat sabiex l-anzjani li jirrikorru għall-attivitajiet li jittellgħu f’dan iċ-Ċentru jgawdu minn ambjent aktar modern u aġġornat.
“M’hemmx sodisfazzjon akbar milli li naraw in-numri ta’ anzjani li jirrikorru lejn is-servizzi u l-iskemi offruti mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jikbru u jiżdiedu. Din il-konkorrenza timliena b’kuraġġ kbir li nkomplu nħarsu lejn servizzi u skemi oħrajn li nistgħu noffru ħalli dejjem nilħqu aktar u aktar anzjani fil-komunitajiet tagħna,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Dr Steve Agius, tenna li l-għan tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jibqa’ dejjem li, permezz tal-firxa kbira ta’ servizzi fil-komunità, l-anzjani jibqgħu jgħixu ħajja attiva fil-kumdità ta’ darhom. “In-numru ta’ anzjani li attendew iċ-Ċentri ta’ Anzjanità Attiva s-sena l-oħra laħaq it-3,300. Din is-sena qed nistennew li din iċ-ċifra taqbeż sew l-4,300. Dan huwa frott il-ħidma li ssir fiċ-Ċentri tagħna fejn, b’numru ta’ ftehimiet li daqt nikonkludu, ser inkunu qed inżidu t-taħriġ f’diversi oqsma għall-anzjani tagħna,” sostna Dr Agius.

