Wednesday, January 7, 2026

Żieda fis-sussidju tal-iskema Home Helper of Your Choice sabiex iktar anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità

Aqra wkoll

Mill-1 ta’ Jannar 2026, daħlet fis-seħħ żieda fis-sussidju tal-iskema Home Helper of Your Choice. Ir-rata ta’ sussidju għal kull siegħa ta’ servizz approvat żdiedet minn €9 għal €10, pass ieħor importanti biex l-anzjani jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu b’mod indipendenti u b’dinjità f’darhom.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, spjega kif din il-miżura tfisser titjib konkret fis-servizzi li jingħataw lill-anzjani fil-komunità. “B’din iż-żieda rridu nkomplu nħeġġu lill-anzjani biex jagħżlu helper tal-fiduċja tagħhom u jżommu ħajjithom attiva u indipendenti fl-ambjent tagħhom stess,” qal Agius Galea.

Intant, is-Segretarju Permanenti Renzo De Gabriele tenna li bħalissa hawn madwar 660 anzjan f’aktar minn 425 residenza fil-komunità li qed jibbenefikaw minn din l-iskema. “Ninsabu kommessi li nkomplu ntejbu dan is-servizz, mhux biss fl-aspett finanzjarju tiegħu, iżda wkoll fl-effiċjenza u aċċess aħjar għal kull min għandu bżonnu,” qal Dr De Gabriele.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC), Steve Agius, qal li ż-żieda tirrifletti l-impenn tal-aġenzija li tkompli ssaħħaħ servizzi li joffru għażla u flessibbiltà lill-anzjani.

L-iskema Home Helper of Your Choice tippermetti lill-anzjani li jagħżlu helper tal-għażla tagħhom li jgħinhom f’xogħol domestiku ħafif u qadi ieħor. Dan filwaqt li jirċievu sussidju finanzjarju għal kull siegħa approvata għal dan is-servizz. Permezz taż-żieda f’din l-iskema, l-infiq totali tal-Gvern se jkun ta’ madwar €200,000 fis-sena, flus li se jmorru lura fil-but tal-anzjani biex jgħixu aħjar fil-komunità tagħhom.

Din l-inizjattiva tibqa’ parti minn strateġija usa’ li tħeġġeġ lill-anzjani jgħixu fil-komunità filwaqt li jirċievu l-għajnuna meħtieġa biex iżommu kwalità ta’ ħajja għolja, aktar indipendenza u inqas dipendenza fuq kura istituzzjonali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport