Sunday, December 22, 2024

Żieda fl-impjegati li esperjenzaw stress u ansjetà marbuta max-xogħol

MISCO bit-3 Edizzjoni tal-Istħarriġ dwar is-Saħħa Mentali tal-Impjegati.

Aqra wkoll

Meta mistoqsija dwar kif iħossuhom fuq ix-xogħol tagħhom, 75% ta’ dawk li wieġbu stħarriġ ta’ misco qalu li l-livell tal-enerġija tagħhom huwa tajjeb sa tajjeb ħafna filwaqt li 25% iħossu li huwa fqir sa fqir ħafna. Dan ifisser tnaqqis mill-81% reġistrat is-sena li għaddiet.

Aktar minn hekk, filwaqt li l-livelli tal-istress baqgħu prattikament fuq l-istess livell b’47% isostnu li l-livell tal-istress tagħhom huwa fqir sa fqir ħafna, 39% qalu wkoll li s-sens ta’ ottimiżmu tagħhom hu fqir sa fqir ħafna meta mqabbla ma’ l-34% rappurtat is-sena ta’ qabel.

F’kumment dwar it-tielet stħarriġ dwar is-saħħa mentali tal-impjegati li sar mill-misco, Joanne Bondin, Direttur ma’ misco, spjegat li “dan jista’ jkun faċilment marbut mal-“għejja mill-pandemija”, li l-WHO tiddefinixxi bħala “rispons naturali u mistenni għal kriżi mtawwla tas-saħħa pubblika”.

Fl-2020, misco studjat is-suġġett tas-saħħa mentali tal-impjegati fuq il-post tax-xogħol qabel feġġ il-coronavirus f’pajjiżna, u fl-2021, it-tieni edizzjoni ppermettiet li jsir tqabbil mas-sena ta’ qabel. It-tielet stħarriġ sar permezz ta’ studju fl-ewwel kwart ta’ din is-sena u li fih ħadu sehem 355 persuna.

Bondin żiedet tgħid li “is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol hija kwistjoni ferm importanti u l-pandemija kompliet titfa’ aktar dawl fuq l-importanza li jkollna ambjent li jinkoraġġixxi saħħa mentali pożittiva fuq ix-xogħol. Dan l-istħarriġ jippermetilna nkomplu nibnu fuq is-sejbiet tagħna biex min iħaddem, ngħinuh jifhem aħjar il-perspettivi tal-impjegati dwar din it-tema.”

Barra ż-żieda fl-impjegati, minn 63% għal 79%, li esperjenzaw stress u ansjetà marbuta max-xogħol, naqsu dawk li jaraw is-saħħa mentali tagħhom b’mod pożittiv (63%) meta mqabbel mas-sena ta’ qabel (69%).

Jekk nikkunsidraw li 68% ta’ min wieġeb qalu wkoll li l-impjieg tagħhom ikkawżawlhom problemi tas-saħħa mentali fl-aħħar 12-il xahar, dan għandu jpoġġu responsabbiltà akbar fuq min iħaddem biex jieħdu l-inizjattivi meħtieġa biex jiżguraw il-benesseri tal-impjegat tagħhom.

L-istudju talab lill-parteċipanti jindikaw x’kienu l-emozzjonijiet negattivi li ħassew fl-aħħar tnax-il xahar. 43% qalu li esperjenzaw biża’, ħsibijiet jew ansjetà eċċessivi, 38% qalu li ħassew estremitajiet fil-burdata tagħhom filwaqt li 38% esperjenzaw dwejjaq jew irritabilità li damu għal żmien twil.

Min-naħa l-oħra, l-impjegati wkoll żiedu l-istennijiet tagħhom u dan ħoloq bosta
opportunitajiet għat-tisħiħ tas-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol. Dan qed iwassal għal bżonn ta’ bidla fil-kultura fejn hemm bżonn li kulħadd jaħdem u jikkolabora flimkien b’mod aktar emfatiku u kompassjonali”, temmet tgħid Joanne Bondin.

Biex tikseb kopja ta’ dan l-istħarriġ jew għal valutazzjoni tas-saħħa mentali tal-impjegati tiegħek tista’ tagħmel kuntatt ma’ Misco fuq [email protected]

Ekonomija

Sport