Sunday, December 22, 2024

Żieda fl-impjiegi fost in-nisa wara tnaqqis fi żmien il-Covid-19

Aqra wkoll

Żmien il-Covid-19 kien wieħed diffiċli li ġab miegħu instabbiltà ekonomika b’impatt dirett fuq l-impjiegi u s-settur tax-xogħol. Minn statistika li ngħatat f’mistoqsija Parlamentari ħareġ li għal dawn l-aħħar ħames snin, is-sena 2020 kienet l-inqas sena li fiha kien hemm impjiegi ġodda kemm fuq bażi full time, kif ukoll part-time, fost is-sess femminli. Dan it-tnaqqis irriżulta kemm fis-settur privat, kif ukoll f’dak pubbliku. 

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista, Ivan Castillo, talab lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, informazzjoni sena b’sena li tibda mill-2017 sa’ Diċembru 2021 ta’ nisa li sabu impjiegi part time bħala x-xogħol ewlieni tagħhom u dawk li sabu full time u dan kemm fis-settur privat, kif ukoll dak pubbliku. 

L-istatistika ddettaljata mill-Ministru Caruana turi li fis-settur privat fis-sena 2017 kien hemm 6,826 mara li sabet impjieg full time u 3,853 part time b’total ta’ 10,679 mentri fis-settur pubbliku kien hemm 209 full time u 359 part time b’total ta’ 568. It-total globali ta’ mpjiegi ġodda għas-sess femminili għal din is-sena kien ta’ 11,247.

Għas-sentejn ta’ wara (2018 u 2019), jiġifieri qabel ma ħassejna l-impatt tal-Covid-19, kienet irreġistrata żieda b’mod speċjali fl-2018 fejn it-total ta’ mpjiegi fis-settur privat tela’ għal 11,772 mentri f’dak pubbliku kien hemm 12,332. F’din is-sena l-akbar żieda kienet l-impjiegi full time fis-settur privat b’total ta’ 8,273.

Fl-2019 l-impjiegi ġodda kienu diġà bdew ikun inqas meta kkomparati mas-sena preċedenti iżda mhux daqstant qawwi. L-impjiegi full time fil-privat kienu 8,089 u dawk part time 3,111 b’total ta’ 11,200. Dan kien 572 inqas mill-2018 mentri fis-settur pubbliku t-total ta’ impjiegi ġodda kemm full time kif ukoll part time kienu 560, l-istess ammont fis-sena preċedenti. 

L-2020 kienet l-aktar sena milquta fejn l-impjiegi ġodda fejn fis-settur privat niżlu għal total ta’ 6,307 (4,764 full time u 1,543 part time). Mis-sena ta’ qabel dan huwa ftit iktar min-nofs inqas. Fis-settur pubbliku l-impatt tal-pandemija nħass ukoll iżda mhux daqstant qawwi. L-impjiegi totali li saru kien ta’ 389 mara. It-total għal din is-sena ta’ nisa li bdew jaħdmu fil-privat jew fis-settur pubbliku kien ta’ 6,696, tnaqqis ta’ 5,064 (56.9%). 

Fis-sena 2021 reġgħu bdew jiżdiedu l-impjiegi fost is-sess femminili fejn fis-settur privat fuq bażi full time l-ammont tela’ għal 6,080 u part time 2,558 b’total ta’ 8,638. Fuq is-sena preċedenti l-ammont żdied b’ aktar minn elf. Mentri, fis-settur pubbliku s-sena l-oħra kien hemm l-akbar żieda ta’ nisa li sabu impjieg fih b’total ta’ 9,529, jiġifieri 2,833 impjiegi full time u part time aktar. 

Ekonomija

Sport