Talba għal studju dettaljat biex ikun stabbilit kemm hi mifruxa l-problema
“Kollox kien qed jidher normali għalina meta it-tifla kienet qed tgħaddi ħafna ħin onlajn minħabba li naqqasna il-ħruġ kawża tal-pandemija. Kont naf li kienet tkun onlajn ma’ sħabha tal-iskola. Kemm il-darba rajt x’kienet qed tkun qed tilgħab u għalkemm xi logħob ma’ tantx kien jogħġobni għax rajtu xi ftit vjolenti, dehrli li fiċ-ċirkostanzi kien ikun aħjar li nħalliha u nsegwi dak li jkun għaddej. Xi żvog trid din it-tifla quddiem dak li għaddejjin minnu. Li ma realizzajtx mill-ewwel kien li kien hemm każi fejn subien, mhux kollha, kienu qed jagħmlu pressjoni fuqha biex tibgħatilhom ritratti tagħha indiċenti. Fil-bidu bdiet tgħidilhom ‘le’ iżda il-le tagħha ma bdietx tiġi aċċettata minnhom u rritaljaw billi bdew iwarrbuha. Il-pressjoni wasslet biex mhux biss spiċċat bagħtet ritratti tagħha imma anki filmati. Dawn huma minuri. Bħal binti kien hemm bniet oħra li għaddej minn esperjenzi simili. Nappella lill-ġenituri biex isegwu dak li jkunu qed jagħmlu uliedhom onlajn. Spiċċajt kelli nieħu lil binti għal terapija minħabba it-trawma”, tiddikjara omm li tkellmet ma’ Talk.mt.
Ħaddiema soċjali li tkellmet ma’ Talk.mt iddikjarat li “sfortunatament qed naraw li fl-aħħar xhur kellna żieda fl-abbuż minn tfal minuri fuq tfal oħra sħabhom għal filmati indiċenti. Dan it-tip ta’ abbuż żdied sew. Tispjegalna kif ħafna ġenituri lanqas jindunaw xi jkun għaddej. Tgħidilna li “nagħmilha ċara li mhux faċli li jindunaw xi jkun għaddej, għax dan kollox jibda jsir ġo chat rooms li jkun hemm f’dan il-logħob partikolari. Dan hu abbuż li żdied sew u hu inkwetanti immens. Għandna tfal bniet li għaddew minn trawma. Filmati u ritratti ta’ bniet b’pożi indiċenti għall-aħħar jispiċċaw jiġu imxerrda ma’ tfal oħra permezz ta’ watsapp u snatchchat.
Meta tkellmet ma’ Talk.mt, il-ħaddiema soċjali qaltilna li “dan it-tip ta’ abbuż qed isir kemm minn subien u anke minn bniet. Biss minn dak li qed naraw, li irrid għid li għandu jiġi studjat aktar, jidher li fost il-bniet hemm rata ferm u ferm ogħla f’dik li hi pressjoni biex jgħaddu ritratti jew filmati tagħhom, f’pożi li ma jkunux jixtiequ li jagħmlu.”
L-istess ħaddiem soċjali tgħidilna li “meta it-tweġiba tkun ‘le’ dawn it-tfal minuri jispiċċaw ikollhom jiffaċċjaw pressjoni kbira. Xi drabi jispiċċaw imwarrba minn sħabhom u anke redikolati. Jiffaċċjaw għadd kbir ta’ kummenti u tgħajjir sesswali. Qed nitkellmu tgħajjir fuq il-persuna u tgħajjir ieħor li jweġġa. Din mhi xejn għajr pressjoni fuq dawn it-tfal, li ħafna drabi twassal biex iċedu quddiemha. Anki fejn jidħol tgħajjir, mill-esperjenza qed naraw li huma aktar it-tfal bniet li huma vittmi ta’ dan it-tgħajjir”.
Mistoqsija jekk dan it-tip ta’ abbuż jinsabx ukoll fl-iskejjel, il-ħaddiema soċjali qaltilna li “fl-iskejjel għandek ir-realtà ta’ tgħajjir u kummenti sesswali, anki bejn tfal żgħar. Anki hawn qed naraw żieda, fejn dan aktarx ġej minħabba l-preżenza dejjem tiżdied ta’ tfal onlajn u l-ammont ta’ ħin li qed jgħaddu”.
Bżonn studju biex naraw kemm hi mifruxa il-problema
Il-ħaddiema soċjali qaltilna li “din iż-żieda f’dawn il-każi ta’ abbużi onlajn minn minuri wasslu biex kellna tfal li kellhom jingħataw trattament għal dak li għaddej minnu. Dan li qed jiġri hawn, qed jiġri ukoll f’pajjiżi oħra. Naħseb li wasal iż-żmien li ssir riċerka mat-tfal minuri biex naraw din il-problema kemm hi mifruxa. Il-biża’ tiegħi hi li dak li jasal għandna hu biss parti żgħira mill-problema. Qed ngħid hekk għax għandna każi ta’ tfal minuri li spiċċaw onlajn waħidhom anki wara l-11.00 ta’ bil-lejl. Kellna każi ta’ tfal minuri li kienu waħdihom id-dar, ovvjament għax il-ġenituri kienu għax-xogħol”, tgħidilna il-ħaddiema soċjali.
Tisħaq li hemm bżonn li nistudjaw din il-problema u dan billi nagħmlu studju fi grupp ta’ skejjel u b’hekk naraw kemm hi mifruxa il-probema u kif għandna nibdew nitrattawha b’mod partikolari mill-għalliema. L-istess ħaddiema soċjali qaltilna li “rridu naraw ukoll aktar fid-dettal u b’mod studjat, fejn jidħlu abbużi sesswali minn minuri fuq minuri oħra, b’mod speċjali fejn jidħol l-abbuż fiżiku. Dan hu inqas komuni, imma niltaqgħu ukoll miegħu”.
Rapporti mill-iskejjel ma jurux żieda ta’ abbużi sesswali minn minuri
Talk.mt għamlet kuntatt mal-Ministeru għall-Edukazzjoni fejn staqsejnihom dwar ilmenti ta’ fastidji u abbużi sesswali. Staqsejnihom kif ħaddiema soċjali qed jgħidu li żdied l-fastidju u abbużi sesswali b’mod ingenerali bejn żgħażagħ infushom u staqsejnihom jekk din iir-realtà humiex qed jarawha fl-iskejjel.
Il-Ministeru qalilna li “rapporti li għandu d-Dipartiment tas-Servizzi Nazzjonali ta’ Sapport għall-iSkejjel ma jurux li kien hemm żieda f’dawn l-aħħar xhur. Iċ-Child Safety Service (CSS) huwa servizz speċjalizzat fi ħdan is-Servizzi Nazzjonali ta’ Sapport għall-Iskejjel. L-għanijiet prinċipali tiegħu huma dawk terapewtiċi u edukattivi. Dan il-unit jagħti importanza lill-prevenzjoni kontra l-abbuż u għalhekk parti mis-servizz jiffoka fuq edukazzjoni lill-istudenti, lill-ġenituri, lill-membri tal-istaff u professjonisti. Iċ-CSS joffri wkoll servizzi professjonali lil tfal li jkunu sofrew abbuż. Barra l-policy li kienet tnediet fl-1999, iċ-CSS jimxi id f’id maċ-Child Protection Services fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali. L-iskejjel kuma obbligati li meta jsiru jafu b’xi forma ta’ abbuż, speċjalment ta’ natura sesswali jew tip ta’ abbuż ieħor gravi, għandhom jirreferu immedjatament liċ-Child Protection Services.”