Stħarriġ li sar mill-Prof. Vincent Marmara wera b’mod ċar kif in-nies jirrikkonoxxu li l-aktar edukazzjoni importanti tiġi mill-familja, u l-inqas mill-midja soċjali. Madanakollu, tant kemm il-midja soċjali daħlet fil-ħajja tagħna li din qed tħalli impatt fuq il-kwalità tal-ħin li jħalli xi forma ta’ frott f’ħajjitna, fuq il-ħsieb kritiku u fuq kemm aħna kapaċi niffukaw.
Id-dettalji ta’ dan l-istħarriġ ingħataw waqt il-konferenza “L-Istat tan-Nazzjon” li din is-sena ffokat fuq it-tema tal-edukazzjoni fis-sens wiesgħa tagħha. L-istħarriġ ta’ din is-sena sar fost 1,064 persuna li huma riflessjoni tas-soċjetà hekk kif jirriflettu ċittadini ta’ età u sess differenti residenti madwar Malta u Għawdex.
Huwa beda biex spjega kif filwaqt li mis-sena 2021 sal-2024 in-nies li qalu jippjanaw il-ħajja tagħhom kienu qegħdin jonqsu, maul is-sena 2025, reġa’ kien hemm daqsxejn żieda fost dawk in-nies li qalu qed jippjanaw ħajjithom.
Dawk li jħallsu l-ogħla taxxa fuq id-dħul, huma dawk li jippjanaw ħajjithom l-aktar. Dawk bi tfal taħt is-16-il sena jippjanaw ħajjithom aktar minn dawk li m’għandhomx (64.9% vs 44.3%). Aktar ma jkun għoli l-livell ta’ edukazzjoni, aktar ikunu dawk li jippjanaw ħajjithom.
Fis-sena 2025, ġiet innutata żieda ta’ 6.6% fost dawk li qalu li huma kuntenti b’ħajjithom (72.1%). L-Għawdxin huma l-aktar li qalu li huma kuntenti b’ħajjithom (82.8%).
Is-sena 2025 hija l-aktar sena li n-nies qalu li jħossuhom li rnexxew f’ħajjithom (73.9%). Aktar minn disgħin fil-mija ta’ dawk li jħallsu l-aktar taxxa ta’ dħul qalu li huma jħossuhom li rnexxew f’ħajjithom, 90.4%.
Tul dawn l-aħħar tliet snin kienet osservata żieda f’dawk li qalu li jaħsbu li ħa jkunu qed jgħixu ħajja aħjar fi żmien sena (39.1% – 2023 għal 47.0% – 2025). Madanakollu, bejn is-sena l-oħra u din is-sena s-sitwazzjoni hija waħda simili. Dawk li huma iżgħar fl-età huma l-aktar pożittivi li se jkunu qed jgħixu ħajja aħjar fi żmien sena (79.1%).
Il-maġġoranza tan-nies jaħsbu li d-drittijiet tagħhom qed jiġu mħarsa (63.6%). F’kull sena bejn l-2021 u l-2024 kien qed ikun hemm żieda f’dawk li jaħsbu li d-drittijiet tagħhom mhux qed jiġu mħarsa. Din naraw li naqset fis-sena 2025 għal 5.3%.
Dawk li qalu li qed jiġu mħarsa żdiedu b’11.8% meta mqabbel mas-sena l-oħra. In-nies li għandhom inqas minn 35 sena huma l-aktar li jħossu li d-drittijiet tagħhom qed jiġu mħarsa (72.7% – 76.2%).
Ta’ min jinnota li l-perċentwal ta’ dawk li jaħsbu li għandhom livell tal-għajxien daqs il-medja naqas, bir-raġuni l-prinċipali minħabba li żdied fost dawk li qalu ogħla mill-medja. Dawk li għandhom tfal taħt is-16-il sena huma l-aktar li qalu li għandhom il-livell tal-għajxien tagħhom ’il fuq mill-medja (27.7% vs 12.7%).