Monday, November 17, 2025

ŻIEDA LI TAGĦTI DIREZZJONI ĠDIDA LILL-ĠENERAZZJONI ĠDIDA

Aqra wkoll

Il-miżura tal-Gvern li jżid l-istipendji tal-istudenti bi 15% hija waħda li tfisser ħafna. Din hija aktar minn minn sempliċi aġġustament finanzjarju. Hija dikjarazzjoni politika li tgħid li l-edukazzjoni f’Malta mhux biss tibqa’ prijorità imma, se tkompli tkun il-pedament ta’ pajjiż li jħares ’il quddiem. Meta niftakru kif fl-aħħar snin ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista l-istipendji kienu prattikament staġnati u l-istudenti kienu jitħallew iħabbtu wiċċhom ma’ spejjeż dejjem jikbru b’appoġġ dejjem jonqos, nifhmu kemm din iż-żieda mhiex sempliċi miżura oħra, imma direzzjoni b’saħħitha ta’ fejn irid imur pajjiżna.

Illum, taħt amministrazzjoni Laburista, l-istudenti mhux biss qegħdin idaħlu iżjed flus fil-bwiet tagħhom, imma qegħdin jingħataw ukoll messaġġ li pajjiżhom jemmen fihom. Messaġġ li l-istudju u l-edukazzjoni għandhom valur reali u li l-isforz tagħhom, il-ħin li jqattgħu jitħarrġu u jitgħallmu, huwa parti mill-ġid nazzjonali. Din hija differenza sostanzjali bejn kif il-Gvern tal-lum iħares lejn iż-żgħażagħ u kif kienu jħarsu lejhom qabel. Illum l-istudenti tagħna narawhom bħala investiment u mhux bħala spiża.

Il-filosofija wara din il-miżura tmur lil hinn mill-figuri tal-Budget 2026. Hija rifless ta’ kif il-Gvern qiegħed jibni soċjetà ġusta fejn kulħadd jingħata l-opportunità li jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu. F’pajjiż żgħir bħal tagħna, kull żagħżugħ u kull student huwa riżorsa li trid tiġi mħarrġa, imħeġġa u appoġġjata. Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan il-Budget huwa wieħed li “ma jibżax mill-futur imma jibnih” u proprju hawnhekk naraw il-viżjoni tiegħu fil-prattika, viżjoni msarrfa b’investiment fis-sigurtà edukattiva ta’ pajjiżna.

Nemmnu li l-Budget 2026 ma jmurx biss fuq x’inhuwa jingħata lill-istudenti. Huwa dwar x’inhu jingħata lil Malta ta’ għada. Il-miżuri dwar taħriġ f’setturi diġitali, intelliġenza artifiċjali u riċerka jmorru fl-istess direzzjoni biex iż-żgħażagħ tagħna jkollhom l-għodda meħtieġa ħalli jkunu kompetittivi, indipendenti u kapaċi jsawru l-futur tagħhom hawn. Dan huwa pass ta’ fiduċja u ta’ kuraġġ, għax pajjiż li jagħżel li jinvesti fl-imħuħ u fil-ħiliet tan-nies tiegħu, qiegħed jagħżel li jibqa’ jimxi ’l quddiem.

Meta tara pajjiż li minkejja sfidi internazzjonali jkompli jkabbar l-ekonomija tiegħu, iżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli u fl-istess ħin iżid l-istipendji, il-pensjonijiet u l-għajnuniet soċjali, tkun qiegħed tara politika li taħdem. Politika li għandha viżjoni. Għax dan il-Gvern qiegħed juri li t-tkabbir u s-solidarjetà mhumiex żewġ elementi li jikkontrastaw, imma żewġ pilastri li jsaħħu lil xulxin. Pajjiż li jkabbar mingħajr ma jħalli lil ħadd lura.

Il-Budget 2026 huwa prova ta’ Malta li temmen fiha nfisha. Li temmen fil-ġenerazzjoni li ġejjin u li ma tħalli lil ħadd barra mill-vjaġġ tal-progress. Fl-aħħar mill-aħħar, pajjiż li jagħżel li jżid l-istipendji tal-istudenti tiegħu b’15% f’mument ta’ inċertezzi globali, huwa pajjiż li qiegħed jagħżel it-tama fuq il-biża’.

Finalment nemmnu li din mhiex biss miżura ekonomika, imma pass ta’ ġenerazzjoni. Pass li jkompli jsaħħaħ il-fiduċja bejn il-poplu u l-istituzzjonijiet tiegħu. Għax meta Gvern jagħżel li jinvesti fl-edukazzjoni, ikun qiegħed jinvesti fil-poplu kollu u f’Malta li tħares lejn il-futur tagħha b’wiċċha minn quddiem.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport