Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena l-vetturi liċenzjati f’Malta żdiedu b’1,650 meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
Skont statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), fl-aħħar ta’ Marzu l-ammont ta’ vetturi reġistrati kien ta’ 414,669. Fost dawn hemm 75.6 fil-mija li huma vetturi tal-passiġġieri, 13.8 fil-mija li huma vetturi kummerċjali u 9.4 fil-mija huma muturi, quadricycles u E-Kick Scooters fost oħrajn. Il-karozzi tal-linja u l-minibuses kienu jammontaw għal anqas minn 1 fil-mija tat-total ta’ vetturi reġistrati.
Matul l-ewwel tliet xhur tas-sena, it-total ta’ vetturi liċenzjati żdied b’medja ta’ 18-il vettura kuljum.
Skont l-istess statistika sal-aħħar ta’ Marzu f’pajjiżna kien hawn 245,391 vettura, ekwivalenti għal 59.2 fil-mija tat-total li jaħdmu b’magni petrol. Dawk li jaħdmu bid-Diesel kienu jammontaw għal 155,761 ekwivalenti għal 37.6 fil-mija. Il-vetturi elettriċi u plug-in hybrid kienu jammontaw għal 1.7 fil-mija għal total ta’ 7,122 vettura.