Friday, November 22, 2024

ŻIEDA OĦRA GĦALL-PL QUDDIEM PN PASSIV GĦALL-BIDLA

Aqra wkoll

Minn żmien għal żmien, kmamar tal-aħbarijiet differenti jħejju stħarriġ tal-opinjoni pubblika biex ikollhom stampa aktar ċara dwar liema partit politiku u anke liema mexxej tal-partit jinsab igawdi l-akbar fiduċja tal-elettorat.

Għandek dawk li jħossu li hu importanti li jkunu jafu fiex inhi s-sitwazzjoni politika tal-pajjiż u dawk li jgħidulek li hekk kif ninsabu biss ftit ġimgħat bogħod miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied, ftit li xejn jagħtu interess.

Minkejja d-diversi ċifri pubblikati sa minn qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, nemmnu li dak ikkummissjonat minn IT-TORĊA huwa konfermat li huwa l-iktar wieħed li għandu l-polz tan-nies u konferma ta’ dan huwa l-mod kif dan iċċomba x’kien se jkun id-distakk bejn iż-żewġ partiti l-kbar, anke jekk kien hemm diversi oħrajn li kritikaw in-numri u qalu li kienu esaġerati.

Fuq in-naħa l-oħra kellek diversi statistiċi pubblikati fl-aħħar ġimgħat, li taw spettru varjat minn distakk li jqarreb dak pubblikat mill-Istatistiku Dr Vincent Marmarà u oħrajn li saħansitra ħarġu biex jgħidu li l-Partit Nazzjonalista kien għamel rimonta kbira u kien jinsab minn fuq.

Għal darba oħra l-istħarriġ tal-bieraħ ikkonferma t-tmexxija għaqlija tal-Partit Laburista quddiem sfidi kbar internazzjonali bħalma kienu l-pandemija u l-kunflitti fl-Ukrajna u dak l-aktar riċenti tal-Lvant Nofsani. Niġu biex inqabblu dan l-aħħar stħarriġ meta kumparat ma’ dak preċedenti ninnotaw Partit Laburista li reġa’ żied il-vantaġġ tiegħu fuq il-Partit Nazzjonalista u fost l-aktar raġunijiet validi għal dan ċertament hemm budget ieħor mingħajr taxxi għall-poplu tagħna.

Il-fiduċja fil-Partit Laburista baqgħat stabbli għal diversi snin issa. Id-distakk bejn iż-żewġ partiti l-kbar baqa’ wieħed li jikkonferma r-ruħ soċjalista ta’ partit li minkejja difetti li jista’ jkollu, għaraf li joħloq miżuri biex jgħin lil dawk l-aktar batuti biex kemm jista’ jkun ħadd ma jaqa’ lura.

Iżda l-Partit Nazzjonalista għalfejn qiegħed jibqa’ lura? Għalfejn minkejja telfiet kbar elettorali infila, l-Oppożizzjoni mhux jirnexxielha taqdi l-irwol tagħha li sservi bħala alternattiva valida? Għaliex quddiem dan kollu hemm ammont ta’ nies li mhumiex ftit li qegħdin jgħidu li mhumiex kuntenti bit-tmexxija, iżda kuntenti ma jivvutawx għax ma jarawx alternattiva?

Il-Partit Nazzjonalista jinsab fil-pożizzjoni biex ngħidu hekk tal-lussu li jista’ jikkritika dak kollu li jagħmel il-gvern b’mod kostruttiv u dan għaliex numru ta’ deċiżjonijiet li jkollhom jittieħdu minn żmien, impossibbli li ma jniggżu lil ħadd. Ir-regolamentazzjoni hemm bżonnha, iżda impossibbli togħġob lil kulħadd, imma minkejja dan nemmnu li hija pjuttost ta’ tħassib li tara stħarriġ wara l-ieħor Oppożizzjoni li qiegħda tnaqqas fil-fiduċja tan-nies.

Imma kif jista’ l-poplu jasal biex jafda l-Oppożizzjoni jekk se jibqa’ jkollha kap li jagħżel il-politika populista li filli jgħid ilma kiesaħ u ftit wara jgħid ilma sħun. Insemmu biss suġġett wieħed l-iktar li jinteressa n-nies fil-preżent. Il-popolazzjoni u l-importazzjoni tal-ħaddiema barranin.

Filwaqt li nisħqu li kull ħajja hija importanti u kull bniedem jeħtieġ li jingħata d-dinjità li tixraqlu, il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel U-turn meta filli ftit tax-xhur ilu kien it-tarka tal-immigranti li kienu kontinwament isejħu għall-għajnuna waqt li maqbudin f’nofs ta’ baħar u jgħid li hawn spazju f’pajjiżna, iżda issa bħal donnu tella’ l-handbrake u qed isostni li Malta hija full up.

L-għajta tal-gvern li matul il-leġiżlatura se jkun qiegħed jippreżenta budget li jżid is-saħħa tiegħu b’aktar miżuri mibnijin f’kuntatt man-nies nemmnu li huwa s-sigriet tar-riżultati ta’ dan l-istħarriġ. Il-Partit Nazzjonalista jeħtieġ li jagħmel eżami qawwi tal-kuxjenza biex jagħraf illum qabel għada fejn qiegħed jiżbalja u għalfejn sena wara l-oħra mhux qed jirnexxielu jerġa’ jibda jirkupra mid-distakk qawwi li ilu jgawdi l-gvern għal diversi snin.

Iżda biex jagħmel dan irid jassigura li jibda mill-għeruq u jara li fit-tim tiegħu ma jkunx hemm piki għax firda interna ma tista’ twassal qatt għall-bidla li hemm bżonn.

Nemmnu li jekk l-Oppożizzjoni jirnexxielha tibda tagħmel dan l-eżami u tibda ssewwi bil-mod l-attitudni li wasslitha biex tieħu l-akbar telfiet elettorali f’dawn l-aħħar snin, il-poplu verament ikun jista’ jerġa’ jkollu l-motivazzjoni li jnaqqas dak il-persentaġġ ta’ dawk li mhumiex se jivvutaw u b’hekk iż-żewġ mexxejja jkunu jistgħu jippreżentaw miżuri aktar b’saħħithom li minnhom ikunu jistgħu jgawdu iżjed nies.

Sport