Sunday, November 24, 2024

ŻIEDA QAWWIJA FIL-MARĠINI TAL-QLIGĦ ŻIEDET BIL-KBIR L-INFLAZZJONI

Aqra wkoll

L-inflazzjoni baqgħet tippersisti għalkemm il-livelli għoljin li konna qegħdin niffaċċjaw fix-xhur tas-sena li għaddiet u fix-xhur tal-bidu ta’ din is-sena, naqsu sew.  L-inflazzjoni baqgħet tippersisti b’mod  partikolari fejn jidħlu l-prezzijiet ta’ prodotti tal-ikel u din għadha f’livelli li mhumiex aċċettabbli. Filfatt quddiem dan, il-banek għadhom qegħdin jikkunsidraw li jżidu ir-rati ta’ interessi.

Sfortunatament hu previst li se ddum aktar minn kemm mistenni. Jekk nieħdu l-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Ikel tal-Organizazzjoni Dinjija tal-Ikel naraw li dan kien qabeż b’26 fil-mija fl-ewwel erba’ xhur tas-sena 2022. Madankollu, wara dan naqas, bil-prezzijiet fl-aħħar ta’ April tas-sena 2023 ikunu 1 fil-mija biss ogħla mil-livell tal-prezzijiet tal-2021.

Din ix-xejra rajniha ukoll fil-prezz tal-gass naturali tat-TFT Olandiż tal-UE fejn dan kien spara minn medja ta’ madwar €33 għal kull MWh f’Ġunju tas-sena 2021 għal madwar €253 f’Awwissu tas-sena 2022. Minn hemm ’il quddiem, dan il-prezz qabad triq ta’ tnaqqis qawwi, tant li sal-aħħar ta’ April tas-sena 2023 niżel għal madwar €38, li huwa ferm eqreb għal-livell tal-prezz ta’ Ġunju 2021, għalkemm xorta għadu madwar tliet darbiet ogħla mil-livelli ta’ qabel il-COVID.

Jekk nieħdu l-prezz taż-żejt mhux raffinat Brent fl-aħħar ta’ Diċembru 2019 (qabel il-COVID) kien ta’ madwar $66 għal kull barmil. Imbagħad qabeż għal madwar $120 meta faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna f’Marzu 2022. Madankollu, minn dak iż-żmien ’l hawn, dan naqas b’mod sinifikanti għal $77 sal-aħħar ta’ April 2023, li madankollu jibqa’ madwar 17 fil-mija ogħla mil-livell ta’ qabel il-COVID. 

Statistika ibbażata fuq informazzjoni miġbura min-National Accounts, turi li l-marġni ta’ qligħ fis-sena 2022 stmata f’Malta prattikament ma nbidlitx minn dik irreġistrata fl-2019. Prattikament dan jimplika li spejjeż ogħla fil-produzzjoni kienu trażmessi bis-sħiħ fuq il-prezzijiet tal-bejgħ, u l-profitti f’termini ta’ Ewro żdiedu b’din iż-żieda fl-ispejjeż.

Biss f’settur bħal dak tal-agrikoltura u s-sajd, il-manifattura, il-proprjetà immobbli, u l-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, flimkien mas-servizzi tal-akkomodazzjoni u tal-ikel, irrapportaw żieda fil-marġni ta’ qligħ tagħhom fl-2022. Dawn kienu wkoll is-setturi li l-prezz tagħhom fis-suq żdied b’rata ogħla mill-medja tal-pajjiż ta’ 5.2 fil-mija.

L-uniku settur li ma kellux l-istess xejra kien dak tal-kostruzzjoni, fejn minkejja rata għolja ta’ inflazzjoni għal dan is-settur, il-marġni ta’ qligħ tiegħu naqset, u dan jindika li ż-żieda fl-ispejjeż li ġarrab dan is-settur ma ġietx trażmessa bis-sħiħ. 

Minkejja t-tnaqqis fl-inflazzjoni, il-konsumaturi għadhom qegħdin jiffaċċjaw iż-żieda fl-interessi u jidher li dawn se jkomplu jiżdiedu, għalkemm hemm argumenti biex ir-rati ta’ interessi ma jibqgħu jiżdiedu. Iż-żieda fir-rati ta’ interessi mill-banek, issir biex titnaqqas id-domanda għas-self, għax tagħmilha tiswa aktar biex tissellef, u din minna nfiha tberred l-attività ekonomika li twassal biex tiġġenera pressjoni ’l isfel fuq il-prezzijiet.

Nemmnu li f’pajjiżna, meta tikkompara ir-rata li kellna u li issa niżlet għal 6 fil-mija ma’ dik li kellhom għadd ta’ pajjiżi oħra Ewropej, faċli tasal għal konklużjoni li l-inflazzjoni kienet ikkontrollata tajjeb. Dan meta l-aktar wieħed iqis  li f’għadd ta’ pajjiżi kien hemm rati ta’ inflazzjoni fil-livelli ta’ aktar minn 10 fil-mija. 

Dan iżda ma jfissirx li m’hemmx affarijiet li jridu jitranġaw. Fattur li qed jinkwieta lil ħafna hu dak li tmur tixtri minn ħanut partikolari, tara prezz fuq prodott iżda meta tixtrieh issib li fuq l-irċevutà ikun għola. Jekk titob sodisfazzjon jgħidulek il-prezz ma ġiex aġġustat fuq l-ixkafef. 

Din hi xi ħaġa li qiegħda tinkwieta lill-konsumaturi. Ma neskludux lanqas li jista’ jkun hemm abbuż minn xi wħud. Nemmnu li għalhekk l-awtoritajiet għandhom jibqgħu b’għajnejhom miftuħin beraħ u jagħfsu aktar fuq dan l-abbuż.

F’inflazzjoni diġa għolja, ma jistax ikollna din is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ informazzjoni għall-konsumaturi. Ma ninsewx li s-suq ħieles jaħdem sew jekk ikun hemm l-informazzjoni kollha diponibbli għall-konsumaturi.

Sport