Thursday, May 16, 2024

Żieda sostanzjali fl-għadd ta’ cruise liners li daħlu f’pajjiżna fl-2022

Aqra wkoll

Matul is-sena li għaddiet, daħlu f’pajjiżna 283 cruise liner, li jfisser 177 aktar meta mqabbel mas-sena 2021, sena li kienet għadha dominata mill-pandemija tal-Covid-19.

Dan ħareġ minn statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) li wriet kif fl-2022, it-total ta’ passiġġieri li waslu Malta bil-cruise liners, kienu jammontaw għal 489,571. Minn dawn, 59.3% kienu ġejjin minn stati membri tal-Unjoni Ewropea.

L-istatistika turi kif il-maġġoranza tal-passiġġieri kienu nisa (259,916). Min-naħa l-oħra, l-akbar għadd ta’ passiġġieri kellhom bejn 40 u 59 sena, li kienu jlaħħqu l-170,857. Dawn kienu segwiti minn passiġġieri li għandhom bejn is-60 u d-79 sena.

Sadanittant, mill-istess statistika ħareġ ukoll li fit-tielet kwart tas-sena li għaddiet, kien hemm 103,553 passiġġier li waslu Malta bil-cruise liners. F’dan il-perjodu, daħlu 61 cruise liner, li jfisser żieda ta’ 27 aktar meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

Il-passiġġieri ġejjin mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea kienu jammontaw għal 58.3% tat-total ta’ passiġġieri. L-akbar swieq li minnhom ġew il-passiġġieri, kienu l-Italja (16.8%) segwita mill-Ġermanja b’16.1%. It-total ta’ passiġġieri li ġew Malta minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea kienu jammontaw għal 43,203, li minnhom 35.3% kienu ġejjin mir-Renju Unit u 31.7% mill-Istati Uniti.

Sport