Tuesday, December 16, 2025

Żieda storika fil-kwota tat-tonn għall-pajjiżna

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, attendew il-laqgħa tal-Kunsill AGRIFISH fi Brussell.

Il-Ministru Anton Refalo, sostna li l-Politika Agrikola Komuni tal-futur għandha tkun aktar flessibbli biex tirrifletti r-realtajiet nazzjonali, filwaqt li tħeġġeġ l-innovazzjoni u l-użu tat-teknoloġija. Huwa enfasizza l-ħtieġa li jiġu ssimplifikati l-obbligi u s-sistemi ta’ kontroll, jingħata appoġġ aktar b’saħħtu lit-tiġdid ġenerazzjonali u lis-suċċessjoni tal-azjendi agrikoli, u li l-miżuri ta’ appoġġ, inklużi dawk ta’ kriżi, ikunu aktar aċċessibbli u adattati għall-kuntest Malti.

Għal Malta, dan il-Kunsill din is-sena kien importanti ħafna hekk kif, wara l-laqgħa annwali tal-ICCAT, kien hemm żieda qawwija fil-kwota tat-tonn (bluefin tuna) għall-Unjoni Ewropea. Għalhekk Malta argumentat li din iż-żieda tibqa’ mqassma skont kif inhu diġà stabbilit u, fil-qbil li ntlaħaq kmieni filgħodu tas-Sibt 13 ta’ Diċembru, Malta kisbet żieda fit-tunnellata tonn għas-sena 2026.

Il-Ministru Refalo rrefera wkoll għas-settur tas-sajd, fejn qal li r-riżultati miksuba dwar il-kwota tat-tonn huma xhieda tan-negozjati serji u b’saħħithom li qed twettaq Malta biex tissalvagwardja l-interessi tas-sajjieda Maltin u Għawdxin, filwaqt li jinżamm bilanċ bejn is-sostenibbiltà u l-għajxien tal-komunitajiet kostali.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said saħqet kif, “Wara li l-Unjoni Ewropea nnegozjat żieda fil-kwota tat-tonn waqt l-ICCAT f’Sevilja, il-kwota Ewropea kellha tiġi nnegozjata fil-Kunsill tal-Ministri tas-Sajd sabiex tiġi stabbilita l-kwota għal kull Stat Membru individwali għat-tliet snin li ġejjin. F’dawn in-negozjati, Malta kisbet żieda fit-tunnellata biex issa l-kwota telgħet minn 434 għal 507 tunnellata. Din iż-żieda ta’ 17% hija kisba ġusta għas-sajjieda Maltin u Għawdxin li għamlu s-sagrifiċċji tul dawn l-aħħar snin.”

Hija rrimarkat li permezz ta’ din iż-żieda se jibbenefikaw minnha kulħadd: is-sajjieda kummerċjali, is-sajjieda dilettanti, u l-konsumatur Malti u Għawdxi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport