In-numru ta’ turisti li waslu f’pajjiżna f’Settembru li għadda kien stmat li jlaħħaq it-393,848, li jfisser żieda ta’ 10% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet.
Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li matul ix-xahar ta’ Settembru 371,238 turist żaru Malta għal btala, mentri 14,679 turist ġew Malta għal raġunijiet taʼ xogħol. L-akbar għadd taʼ turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena (35.4%); warajhom kien hemm dawk fl-età taʼ bejn il-45 u l-64 sena (29.5%). Residenti mir-Renju Unit, l-Italja, u l-Polonja kienu jammontaw għal 46.0% tat-turisti kollha li waslu Malta.
Meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena taʼ qabel, l-għadd sħiħ taʼ ljieli mqattgħin Malta telaʼ bi 8.9%, u laħaq iż-2.7 miljun lejl. Il-biċċa l-kbira taʼ dawn l-iljieli (87.1%) kienu mqattgħin fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni mikrija. It-tul medju taʼ dawn iż-żjajjar kien jammonta għal 6.8 iljieli.
FʼSettembru 2025, in-nefqa totali tat-turisti laħqet l-€465.9 miljun, li hija żieda taʼ 21.3% fuq l-istess xahar sena qabel. L-infiq medju kull lejl kien stmat li jammonta għal €173.3.
It-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna, kemm dawk li qagħdu għal ġurnata kif ukoll dawk li raqdu hemm, ammontaw għal 247,355, jew 62.8% tat-turisti kollha.
Jannar-Settembru 2025
Fl-ewwel disaʼ xhur tal-2025, 3,075,483 turist wasal Malta, żieda taʼ 11.7% fuq l-2024. In-numru taʼ ljieli mqattgħin telaʼ bʼ10.2% u bʼhekk laħaq 19.6-il miljun lejl.
L-infiq sħiħ mit-turisti kien stmat li laħaq it-€3,029.9 miljun, 18.7% ogħla minn dak li kien irreġistrat fl-istess perjodu tal-2024. L-infiq kollu ras għal ras tela’ għal €985 mid-€928 li kien stmat fl-2024.
It-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna, kemm dawk li qagħdu għal ġurnata kif ukoll dawk li raqdu hemm, ammontaw għal 1,824,566, jew 59.3% tat-turisti kollha.



