Saturday, December 21, 2024

Żieda ta’ 12% fir-rapporti ta’ vjolenza domestika fl-ewwel seba’ xhur tas-sena

77% tar-rapporti kienu ta’ natura psikoloġika

Aqra wkoll

Fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena, żdiedu bi 12% ir-rapporti ta’ vjolenza domestika meta kkumparat mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet. 77% tar-rapporti kienu ta’ natura psikoloġika.

Żvela dan il-Kummissarju tal-Pulizja Angelo Gafà f’diskussjoni li saret illum waqt laqgħa konġunta bejn il-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat dwar l-Affarijiet Familjari. Id-diskussjoni trattat il-vjolenza domestika, is-sitwazzjoni preżenti u x’titjib jista’ jkompli jkun hemm biex ikunu evitati omiċidji u aktar reati fil-konfront tan-nisa.

Is-Sur Gafà spjega li bejn l-2019 u l-2020 kien hemm żieda ta’ 24% fir-rapporti ta’ vjolenza domestika filwaqt li kienet irreġistrata żieda ta’ 6% fl-2021 meta kkumparat mal-2020, żieda ta’ 5% fl-2022 meta mqabbel mal-2021 u s-sena li għaddiet kien hemm żieda sostanzjali ta’ 13%. Huwa nnota wkoll kif 75% tar-rapporti li saru fl-2023 kienu ta’ natura psikoloġika.

Il-Kummissarju tal-Pulizija enfasizza l-impenn tal-pulizija li joħroġ ċar anke meta wieħed iqis iż-żieda partikolament f’dawk ir-rapporti ta’ natura psikoloġika. “Li s-sena li għaddiet kellek 75% u dis-sena qegħdin 77% ta’ rapporti li jiġu fuq ‘psychological harm’ għalija tirrifletti bidla kbira fil-mentalità tal-poplu Malti li ma jistenniex li jingiref, li jaqla’ daqqa jew xebgħa, imma sempliċiment fuq insulti jiġi u jagħmel rapport mal-pulizija.”

Ekonomija

Sport