Fir-raba’ kwart tal-2025, l-għadd kollu taʼ persuni li qattgħu xi ljieli fi stabbilimenti ta’ akkommodazzjoni kollettiva laħaq is-716,536, filwaqt li l-għadd kollu tal-iljieli mqattgħin kien taʼ 2,960,096.
Dan ħareġ minn statisika li ġiet ippubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatisitka (NSO)
Fir-rapport tiegħu l-NSO jgħid li fir-raba’ kwart tal-2025, il-biċċa l-kbira taʼ dawn l-iljieli kienu mqattgħin fʼlukandi taʼ erbaʼ stilel bʼ49.7 fil-mija tal-għadd sħiħ.
Jirraporta li meta mqabbel mal-istess perjodu taʼ sena qabel, it-tul medju ta’ dawn iż-żjajjar fl-istabbilimenti taʼ akkomodazzjoni kollettiva niżel għal 4.1 iljieli.
L-użu nett taʼ sodod kien taʼ 59.8 fil-mija, żieda taʼ 0.9 punti perċentwali meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2024.
FʼDiċembru li għadda, fʼpajjiżna kien hawn 347 stabbiliment taʼ akkomodazzjoni kollettiva attiv, li bejniethom kellhom 23,343 kamra tas-sodda u 53,626 sodda.
Ir-rapport tal-NSO jagħti ħarsa wkoll fejn qattgħu l-iljieli l-persuni f’Malta.
Fir-raba’ kwart tal-2025, l-għadd sħiħ taʼ persuni li qattgħu xi ljieli fi stabbiliment taʼ akkomodazzjoni kollettiva fʼMalta kien taʼ 679,219, li huwa żieda taʼ 13.6 fil-mija fuq l-istess perjodu taʼ sena qabel.
Kien hemm ukoll żieda taʼ 10.6 fil-mija fl-għadd taʼ ljieli mqattgħin sabiex dawn laħqu ż-2,863,634. FʼGħawdex u Kemmuna, il-persuni li qattgħu xi ljieli fi stabbiliment taʼ akkomodazzjoni kollettiva żdiedu bi 30.5 fil-mija sabiex laħqu s-37,317, filwaqt li l-iljieli li għamlu żdiedu bʼ26.2 fil-mija sabiex laħqu s-96,462.
“Meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena taʼ qabel, it-tul medju taż-żjajjar fʼMalta naqas bi ftit għal 4.2 iljieli. FʼGħawdex u Kemmuna it-tul medju taż-żjajjar naqas bi ftit għal 2.6 iljieli. FʼMalta, l-użu nett taʼ sodod żdied bʼ0.8 punti perċentwali għal 60.6 fil-mija, filwaqt li dak fʼGħawdex u Kemmuna żdied bʼ4.3 punti perċentwali għal 42.8 fil-mija,” itemm jgħid ir-rapport tal-NSO.

