Tuesday, April 8, 2025

Żieda ta’ 24.2% fil-wasliet tat-turisti fi Frar

Aqra wkoll

Fi Frar li għadda, l-għadd ta’ turisti li waslu f’Malta kien stmat li jlaħħaq il-210,305, li jfisser żieda ta’ 24.2% meta mqabel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel. 

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li 191,617-il turist ġew Malta għal skop ta’ vaganza mentri 12,035 turist ġew għal skop ta’ negozju. L-akbar għadd ta’ turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena (38%) segwiti minn dawk fl-età ta’ bejn il-45 u l-64 sena (34.2%). Residenti mir-Renju Unit, il-Polonja. l-Italja kienu jammontaw għal 46.8% tat-turisti kollha li waslu Malta. 

Meta mqabel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel, l-għadd sħiħ ta’ ljieli mqattgħin f’Malta tela’ b’21.8%, biex qabeż il-1.2 miljun lejl. Il-biċċa l-kbira taʼ dawn l-iljieli (90%) kienu mqattgħin fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni mikrija. It-tul medju taʼ dawn iż-żjajjar kien jammonta għal 5.9 iljieli.

Fi Frar 2025, in-nefqa kollha tat-turisti qabżet il-€146.8 miljun, li hija żieda taʼ 28.2% fuq l-istess xahar sena taʼ qabel. L-infiq medju kull lejl kien stmat li jammonta għal €118.7.

It-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna, kemm dawk li qagħdu għal ġurnata kif ukoll dawk li raqdu hemm, ammontaw għal 95,450, jew 45.4% tat-turisti kollha.

Jannar – Frar 2025

Fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena, 404,463 turist wasal Malta, żieda ta’ 18.3% fuq l-2024. In-numru ta’ ljieli mqattgħin tela’ b’16.6% u b’hekk kważi laħaq iż-2.4 miljun lejl.

L-infiq sħiħ mit-turisti kien stmat li laħaq il-€289.4 miljun, 28.8 fil-mija ogħla minn dak li kien irreġistrat fl-istess perjodu tal-2024. L-infiq kollu ras għal ras tela’ għal €716 mis-€657 li kien fl-2024.

It-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna, kemm dawk li qagħdu għal ġurnata kif ukoll dawk li raqdu hemm, ammontaw għal 186,690, jew 46.2 fil-mija tat-turisti kollha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport