Friday, November 15, 2024

Żieda ta’ 30 fil-mija fi skart riċiklat f’sena waħda

Aqra wkoll

Malta rreġistrat żieda ta’ 30 fil-mija fl-iskart li qed jiġi riċiklat fuq medda ta’ 12-il xahar.

Malta riċiklat 15 fil-mija tal-iskart tal-pajjiż, żieda ta’ ħamsa fil-mija matul is-sena 2021. Dan jikkonferma kif qed inreġġħu lura tendenzi staġnati li iddefinixxew dan is-settur għal bosta snin. Dan huwa saħansitra aktar sinifikanti meta wieħed iqis li l-investiment li qed isir fl-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart għadu fil-fażijiet inizjali ta’ implimentazzjoni.

Din ix-xejra pożittiva mistennija tkompli anke fl-2022 u fl-2023.

Minkejja dan it-titjib, hemm bżonn ta’ bidla kulturali fil-pajjiż sabiex Malta tilħaq il-miri obbligatorji tal-Unjoni Ewropea. Aktar importanti minn hekk, din it-tranżizzjoni ekoloġika hija essenzjali għall-benessri tar-residenti Maltin kemm f’termini ta’ saħħa kif ukoll ta’ livell t’ għajxien.

Prattiċi tal-immaniġġjar tal-iskart li jniġġsu m’għadx għandhom posthom hekk kif bħala pajjiż hemm bżonn li jitnaqqas ir-rimi fil-miżbliet mir-rata attwali ta’ 85 fil-mija għal 10 fil-mija sal-2035. Tnaqqis sinifikanti bħal dan huwa ta’ sfida kbira iżda WasteServ hija fiduċjuża li l-pajjiż jista’ jikseb dan kemm bl-investimenti li qed isiru, u anke permezz tal-isforzi konġunti tas-settur pubbliku u dak kummerċjali.

Issa ġie kkonfermat li l-bidliet aggressivi fl-istrateġija u l-investimenti fuq perjodu qasir li ġew implimentati mill-WasteServ sarfu f’ żidiet pożittivi fil-prestazzjoni. Aktar titjib huwa mistenni iktar tard din is-sena hekk kif faċilità ġdida awtomatizzata għall-iskart riċiklabbli, b’investiment ta’ €4 miljun, tibda topera. Filwaqt li l-proġett ECOHIVE b’ investiment ta’ €500 miljun li bħalissa qed jinbena se jkun qed ikompli jtejjeb il-prestazzjoni tal-pajjiż f’dan is-settur.

Madankollu, l-infrastruttura waħedha mhux se twassal sabiex jintlaħqu l-miri obbligatorji meħtieġa u sabiex jiġi implimentat il-pjan għall-immaniġġjar tal-iskart għal għaxar snin li ġejjin li jinkludi is-separazzjoni obbligatorja tal-iskart kemm għad-djar kif ukoll għas-settur kummerċjali.

Għalhekk WasteServ tħeġġeġ lill-pubbliku u lin-negozji biex jintensifikaw l-impenn tagħhom biex inaqqsu l-iskart milli jmur fil-miżbla. Dan jista’ jsir billi nnaqqsu, nagħmlu użu mill-ġdid u nirriċiklaw l-iskart. Billi nisseparaw l-iskart tagħna b’mod tajjeb, nagħżlu oġġetti b’inqas imballaġġ u nagħżlu li nsewwu l-oġġetti minflok ma jintremew huma kollha modi ta’ kif nistgħu nikkontribwixxu biex innaqqsu l-iskart.

Ekonomija

Sport