Sunday, December 22, 2024

Żieda ta’ 30 karozza tal-linja elettrika … 410 vjaġġi aktar kuljum

Il-Gvern se jinvesti madwar €5 miljun fis-sena biex ikompli jsostni ż-żieda fil-frekwenzi

Aqra wkoll

Bdew joperaw 30 karozza tal-linja elettrika ġdida b’investiment ta’ aktar minn €20 miljun. Permezz ta’ din iż-żieda, se jkunu qed isiru sa 410 vjaġġ aktar kuljum, f’16-il rotta li huma meqjusa bħala kruċjali għall-konnettività.

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia u ċ-Chairman tal-Malta Public Transport (MPT) Felipe Cosmen fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Jonathan Borg u l-General Manager tal-MPT Konrad Pule.

Kull karozza tal-linja se tkun tista’ tivvjaġġa sa 300 kilometru fuq charge waħda. B’hekk qed ikun żgurat li kull karozza tal-linja se tkun kapaċi toffri servizz fit-tul qabel ma jkollha terġa’ tiġi ċċarġjata. Dan se jassigura li jiġi offrut servizz effiċjenti lill-klijenti li jużaw it-trasport pubbliku.

Dawn il-karozzi tal-linja elettriċi huma maħsuba biex inaqqsu l-istorbju u l-emissjonijiet b’madwar 70% meta mqabbla ma’ karozzi tal-linja oħra li ma jaħdmux bl-elettriku. Dawn il-karozzi tal-linja se joffru wkoll numru ta’ servizzi anċillari, fejn kull passiġġiet jista’ jagħmel użu minn punti tal-iċċarġjasr u WiFi b’xejn.

Intant, il-Gvern jinsab kommess li jkompli għaddej bil-proċess tal-elettrifikazzjoni ta’ numru ta’ karozzi tal-linja fis-snin li ġejjin. Huwa pjanat li fis-sena 2025 se jkunu qed jinbidlu 120 karozza tal-linja għal dawk elettriċi, b’investiment ta’ €80 miljun mill-Gvern u l-operatur. Il-Gvern għaddej ukoll bi proċess ta’ kollaborazzjoni mal-operatur fejn preżentement qed issir evalwazzjoni ta’ kif is-servizz tat-trasport pubbliku jista’ jsir aktar effiċjenti.

Se jkun qed jinbeda wkoll proġett pilota fuq rotot li ma tantx hemm konkorrenza għalihom, fejn se tkun qed tiżdied minibus elettrika mal-flotta preżenti.

Waqt iċ-ċerimonja, ġie inawgurat investiment loġistiku fil-Park and Ride tal-Floriana, li se jkun qiegħed iservi bħala charging hub għal dawn il-karozzi tal-linja. Permezz ta’ din l-infrastruttura effiċjenti tal-iċċarġjar, kull karozza tal-linja tista’ tiġi ċċarġjata f’madwar sagħtejn. Din l-infrastruttura se tkun qed taċċerta l-effiċjenza meħtieġa biex l-operat ta’ dawn il-karozzi tal-linja jkun tal-ogħla livell.

Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru Aaron Farrugia enfasizza dwar l-investiment bla preċedent tal-Gvern f’trasport alternattiv, bl-investiment fit-trasport pubbliku jingħata l-ogħla prijorità biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-karozzi personali.

“L-introduzzjoni tat-trasport pubbliku bla ħlas għal kulħadd fisser żieda kbira ta’ passiġġieri u żieda fid-domanda. Huwa għalhekk li jeħtieġ li nibqgħu għaddejjin b’ħidma bejn ir-regolatur u l-operatur, biex il-pajjiż jieħu servizz ta’ valur, li jkun hemm bidla fir-rotot u l-frekwenzi skont il-bżonnijiet tad-demografiji ġodda. Dan filwaqt li nkomplu bl-impenn  tagħna bl-elettrifikazzjoni tal-flotta,” spjega l-Ministru Farrugia.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Malta Public Transport Felipe Cosmen qal, “F’Awwissu 2023, ilħaqna rekord sinifikanti fejn għall-ewwel darba ġarrejna aktar minn 6 miljun passiġġier f’xahar. Dan huwa riżultat pożittiv ħafna. Huwa sinjal qawwi ta’ fiduċja fl-operat tal-karozzi tal-linja, u juri li n-nies f’Malta huma lesti li jużaw it-trasport pubbliku. Madankollu, ma nistgħux nieqfu hawn. Irridu nkomplu nagħmlu t-trasport pubbliku aktar attraenti biex nattiraw aktar passiġġiera.”

Ekonomija

1 kumment

  1. Onor Ministru.Meta ix xufiera ta transport Malta jzommu mar regoli li ghandhom.Izjed minn 10 bil wieqfa mhux suppost jaghbbu.Il ghaliex tant ilun bil wieqfa li wara li jhalsu ix xufier jiftah il bieba ta linzul u jghidilhom jitilaw minn henm.Jekk jinqala accident min huwa responsabli?

Comments are closed.

Sport