Tuesday, May 14, 2024

Żieda ta’ 31.1% fit-turisti li waslu Malta f’Ottubru

Aqra wkoll

F’Ottubru li għadda waslu pajjiżna 313,705 turist, li jfisser żieda ta’ 31.1% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel. Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li f’Ottubru żaru Malta 283,595 turist għal skop ta’ vaganza mentri 20,375 turist ġew għal għal skop ta’ negozju.

L-akbar għadd ta’ turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena (37.8%) segwiti minn dawk fl-età bejn il-45 u l-64 sena (34.4%). Residenti mir-Renju Unit, mill-Italja u mill-Ġermanja kienu jammontaw għal 44.1% tat-turisti kollha li waslu Malta.

Meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel, l-għadd ta’ ljieli mqattgħin f’Malta żdied bi 30.7%, biex qabżu ż-żewġ miljun lejl. L-akbar ammont ta’ ljieli kienu mgħoddijin fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni mikrija. Dan filwaqt li t-tul medju ta’ dawn iż-żjajjar kien jammonta għal 6.6 iljieli.

FʼOttubru li għadda, l-infiq mit-turisti kien jaqbeż it-€300.8 miljun, li tfisser żieda taʼ 39% fuq l-istess xahar taʼ sena qabel. L-infiq medju kull lejl kien stmat li kien taʼ €145.9.

L-istess statistika turi li fl-ewwel 10 xhur tas-sena, it-turisti li waslu Malta kienu jlaħħqu ż-2,599,155, li jfisser żieda ta’ 31.6% fuq l-istess perjodu tal-2022. L-għadd ta’ ljieli mgħoddijin żdiedu bi 23.3% biex laħħqu s-17.8 miljun lejl.

In-nefqa mit-turisti f’dan il-perjodu kienet stmata li tlaħħaq it-€2.4 biljun, li jfisser 34.5% aktar minn dak li kien irreġistrat fl-2022.

Sport