Ir-rapport Annwali għas-sena 2024 tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) juri żieda ta’ 4% fin-numru ta’ każijiet li trattat meta mqabbel mal-2023.
Skont ir-rapport imniedi nhar it-Tnejn 13 ta’ Ottubru 2025, l-FSWS ħadmet ma’ 24,618 persuna, b’total ta’ 25,941 każ.
Il-Fondazzjoni spjegat li din iż-żieda ma tfissirx bilfors żieda fil-problemi soċjali fis-soċjetà. Anzi din iż-żieda hija riżultat ta’ aktar kuxjenza pubblika u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, aktar rieda biex wieħed ifittex l-għajnuna, kif ukoll aktar ħidma ta’ outreach u żvilupp operattiv min-naħa tal-Fondazzjoni.
Dan jinkludi wkoll żieda fl-impjegati biex jintlaħqu d-domandi dejjem jikbru u aktar servizzi disponibbli li jippermettu li jintlaħqu aktar individwi.
Matul l-2024, tliet servizzi ġodda bdew jirrappurtaw id-dejta tagħhom permezz tal-Uffiċċju tar-Riċerka tal-FSWS:
- Youth Empowerment Initiative
- IFSS Homeless Services
- Floriana Mental Health Care Service
Xi servizzi individwali rreġistraw żieda ta’ 10% jew aktar fil-każijiet meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. L-aktar żidiet sinifikanti ġew irrappurtati fis-servizzi relatati ma’ vjolenza domestika, traffikar uman, problemi relatati mas-saħħa kif ukoll abbuż ta’ sustanzi jew alkoħol fost l-oħrajn. Dan kien dovut għall-kampanji tal-FSWS sabiex aktar nies ikunu mgħarrfin b’dawn is-servizzi.
L-FSWS tkompli tafferma l-impenn tagħha li tkompli tgħin lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, filwaqt li taħdem biex tippromwovi soċjetà aktar inklussiva, sigura u solidali.

