Monday, February 17, 2025

Żieda ta’ 7% fl-iskart iġġenerat matul l-2023

Aqra wkoll

Fl-2023, il-ġenerazzjoni tal-iskart solidu laħqet iż-2.9 miljun tunnellata biex bʼhekk żdiedet b’7.0 fil-mija meta mqabbla mal-2022. L-iskart perikoluż żdied bi 62.7 fil-mija jew 28,446 tunnellata, filwaqt li l-iskart mhux perikoluż żdied b’6.0 fil-mija jew 159,406 tunnellati. Meta titqies il-ġenerazzjoni kollha tal-iskart, il-parti minerali żdiedet bi 8.6 fil-mija (178,621 tunnellata), filwaqt li l-parti mhux minerali żdiedet bʼ1.5 fil-mija (9,231 tunnellata).

Dan ħareġ minn statistika li ġiet ippubblikat mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).

L-NSO jgħid li f’termini assoluti, l-ogħla żidiet ġew irreġistrati fl-Iskart minerali mhux perikoluż li ġej mill-kostruzzjoni u t-twaqqigħ (179,387 tunnellata) u fl-Iskart perikoluż tal-vetturi mormija (17,204 tunnellati). Min-naħa l-oħra, l-akbar tnaqqis kien irreġistrat fl-Iskart mhux perikoluż mid-djar u ieħor bħalu (22,738 tunnellata) u Skart metalliku tal-ħadid (18,400 tunnellata).

Dwar sktar itrattat, l-NSO jgħid li fl-2023, it-trattament tal-iskart ammonta għal 2.6 miljun tunnellata, u żdied bi 3.1 fil-mija jew 79,413-il tunnellata fuq l-2022. Kienu rreġistrati żidiet fir-Riċiklaġġ (123,333 tunnellata), fʼTipi oħrajn taʼ rimi (5,721 tunnellata), fl-Irkupru tal-enerġija (5,118-il tunnellata) u fl-Inċinerazzjoni (1,194 tunnellata). Min-naħa l-oħra, kien irreġistrat tnaqqis fir-Rimi fil-miżbliet (29,979 tunnellata) u fl-Irdim fil-barrieri (25,974 tunnellata).
Dwar il-post fejn seħħ it-trattament, iċ-ċifri juru li għat-trattament li sar f’Malta fl-2023, l-akbar żieda kienet fir-Riċiklaġġ (108,818-il tunnellata), filwaqt li r-Rimi fil-miżbliet kellu l-akbar tnaqqis (30,164 tunnellata). Dwar it-trattament li qed isir fʼfaċilitajiet barra minn Malta t-tipi kollha taʼ trattament urew żidiet, bl-akbar fosthom jidhru fir-Riċiklaġġ (14,515-il tunnellata) u fl-Irkupru tal-enerġija (5,118-il tunnellata).
Matul l-2023, kienu rreġistrati żidiet fl-iskart li daħal fl-Impjant tat-Trattament Mekkaniku-Bijoloġiku tat-Tramuntana ta’ Malta (17,935 tunnellata) u fil-Faċilità għat-Trattament Termali tal-Marsa (1,141 tunnellata). Min-naħa l-oħra, l-iskart li ntrema fil-miżbla tal-Għallis naqas bi 30,164 tunnellata. It-tnaqqis deher ukoll fl-iskart li daħal fl-Impjant tat-Trattament tal-Iskart ta’ Sant’Antnin (23,949 tunnellata) u fl-Istazzjon tat-trasferiment tal-iskart f’Tal-Kus (Għawdex) (1,601 tunnellata).

L-akbar ammont taʼ skart trattat fʼMalta kien dak minerali. Fl-2023, l-irdim tal-iskart minerali mill-kostruzzjoni u t-twaqqigħ naqas b’4.7 fil-mija jew 31,551 tunnellata. Ir-riċiklaġġ għal din il-kategorija ta’ skart tela’ bʼ7.9 fil-mija jew 109,934 tunnellata. Fl-2023, ir-rimi fil-baħar ta’ skart minerali żdied b’5,721 tunnellata, filwaqt li l-irdim ta’ skart minerali ieħor żdied b’5,577 tunnellata.

L-NSO jirrapporta wkoll dwar il-ġbir separat tal-iskart fejn jiġi rraportati li l-ġbir mill-borża l-griża u mill-bring-in sites naqas bʼ5,084 tunnellata u 273 tunnellata rispettivament, l-aktar minħabba d-dħul fis-seħħ tal-iskema taʼ rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb, li ġabret 9,909 tunnellati taʼ ħġieġ, plastik u metalli fl-2023. Matul is-sena taʼ riferenza kienu rreġistrati żidiet fil-ġbir miċ-ċentri għall-iskart goff (6,830 tunnellata), il-borża organika (6,468 tunnellata) u l-ġbir bieb bieb tal-ħġieġ (146 tunnellata).

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport