Tuesday, May 14, 2024

Żieda ta’ €1,200 fis-sena f’għajnuna għall-familji li jħallsu l-kera

Aqra wkoll

Koppja li għandha żewġt itfal jew iżjed, u li d-dħul massimu ta’ din il-familja huwa ta’ ftit iktar minn €13,500 u li għandhom kirja ta’ €9,600 fis-sena, se tkun qed tirċievi sa massimu ta’ €5,000 fis-sena (ekwivalenti għal €416 fix-xahar); żieda ta’ €1,200 fis-sena (ekwivalenti għal €100 fix-xahar).

Ħabbar dan il-Ministru għall-Akkommodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, f’konferenza tal-aħbarijiet dwar it- tisħiħ fil-Benefiċċju tal-Kera.

Huwa fakkar li l-istess familja skont il-benefiċċju preċedenti kienu intitolati għal madwar €3,800 fis-sena (ekwivalenti għal €316 fix-xahar).

Il-Ministru Galdes fisser li bħala kunċett ta’ mekkaniżmu se jibqa’ l-istess; jiġifieri se jittieħdu inkonsiderazzjoni tliet fatturi:
— il-kwota ta’ 25% qliegħ tal-applikanti
— il-kera attwali li qed titħallas
— il-benchmark intern li issa se jkun qed jissaħħaħ; hawnhekk fisser li kull benefiċċjarju se jara żieda sinjifikanti u sostanzjali fil-benefiċċju li jirċievi ta’ kull xahar.

L-introduzzjoni tal-benefiċċju tal-kera (magħruf ukoll bħala ‘housing benefit’), għal min jikri mill-privat, rajna l-bidu tiegħu fl-2019. Il-Ministru Galdes argumenta li appena ġie introdott dan il-benefiċċju, kull kuntratt tal-kiri kellu jkun reġistrat: “L-għan aħħari ta’ dan il-benefiċċju kien u għadu li ħadd ma jħallas iżjed minn kemm jiflaħ, irrelevanti minn kemm jinbidel is-suq”.

Huwa kompla jgħid li dan il-benefiċċju jieħu inkonsiderazzjoni tad-dħul ta’ kull individwu li jgħix fl-istess residenza li tagħha qed titħallas il-kera. Skont din l-informazzjoni jinħareġ benefiċċju li permezz tiegħu jiġi assigurat li “L-ebda familja ma tħallas iktar minn 25% tad-dħul tagħha fuq il-kera”. Il-Ministru Galdes ikkalkula li bħalissa hawn madwar 2,800 familja li qed jibbenefikaw minn dan il-benefiċċju.

Il-Ministru Galdes matul il-konferenza saħaq li permezz ta’ dan it-tisħiħ, il-Ministeru tiegħu flimkien mal-Awtorità tad-Djar irnexxielhom iwettqu sitta minn seba’ miżuri ppreżentati għall-budget 2023 bit-tema ‘Malta Ċertezza u Stabbbilità’. B’hekk, fi ftit xhur se jkunu ġew imwettqa 86% tal-miżuri tal-budget li jibbilanċjaw il-bżonn soċjali ma’ dak tal-affordabilità.

Sport