Wednesday, February 18, 2026

Żieda ta’ madwar 19% fit-turisti li ħarġu ‘l barra minn pajjiżna

Aqra wkoll

Fir-rabaʼ kwart tal-2025, it-turisti kollha li ħarġu ʼl barra mill-pajjiż kienu stmati li jilħqu l-268,619, żieda taʼ 19.3 fil-mija meta mqabblin mal-istess perjodu taʼ sena qabel.

Dan tħabbar fi statistika li ġiet ippubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar dawk kollha li vjaġġaw ‘il barra mill-pajjiż.

L-NSO jirraporta li l-iljieli kollha mqattgħin barra mill-pajjiż żdiedu bʼ29.7 fil-mija u laħqu l-1,999,303.

Ottubru-Diċembru 2025

Matul Ottubru u Diċembru tas-sena li għaddiet, saru bʼkollox 174,618-il safra ʼl barra mill-pajjiż għall-btala; warajhom kien hemm 63,261 safra li saru għal żjajjar lil ħbieb u qraba. 

Il-biċċa l-kbira taʼ dawn it-turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena – 47.2 fil-mija, filwaqt li warajhom kien hemm dawk fil-kategorija taʼ bejn il-45 u l-64 sena – 30.2 fil-mija.

It-turisti li siefru biex imorru fʼpajjiżi tal-Unjoni Ewropea u t-turisti l-oħra li telqu biex imorru fʼpajjiżi oħra żdiedu bʼ16.0 u bʼ29.3 fil-mija, rispettivament. L-Italja baqgħet il-pajjiż fejn l-aktar li jmorru n-nies minn Malta, bʼpersentaġġ taʼ 32.2 fil-mija tas-safar kollu.

L-iljieli mqattgħin mit-turisti li siefru fir-rabaʼ kwart tal-2025 laħqu ż-żewġ miljuni. L-akbar għadd taʼ dawn l-iljieli – 55.3 fil-mija, kienu mqattgħin fʼakkomodazzjonijiet mhux mikrija. Matul dan is-safar, it-turisti qagħdu medja taʼ 7.4 iljieli.

Ir-rapport tal-NSO jgħid ukoll li bejn Ottubru u Diċembru, l-infiq kollu mit-turisti li ħarġu ʼl barra mill-pajjiż kien stmat li laħaq il-€270.6 miljun, li jiġi daqs medja taʼ €1,007 kull ras.

L-NSO tagħti ħarsa wkoll b’mod ġenerali għas-sena kollha li għaddiet meta mqabbla mal-2024.

Fl-2025, is-safar kollu ʼl barra minn Malta laħaq id-929,645 safra, li huma żieda ta’ 10.2 fil-mija fuq l-2024. 

L-iljieli mqattgħin minnhom telgħu bʼ20.3 fil-mija, u laħqu s-6.9 miljun lejl. Barra minn hekk, l-infiq kollu mit-turisti li ħarġu ʼl barra mill-pajjiż kien stmat li laħaq id-€952.4 miljun, li jiġi 18.5 fil-mija aktar minn dak irreġistrat fl-2024.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport