Il-Kummissarju Ewropew għas-Sajd u l-Oċeani, Costas Kadis, temm iż-żjara tiegħu f’pajjiżna. L-għan ta’ din iż-żjara kien biex tkompli tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn Malta u l-Unjoni Ewropea fis-settur tas-sajd u l-akwakultura.
Matul iż-żjara tiegħu, il-Kummissarju Kadis kellu laqgħa mal-Prim Ministru ta’ Malta, Robert Abela, fejn kien akkumpanjat mill-Ministru Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said. Waqt din il-laqgħa huma tkellmu dwar l-impenn ta’ Malta għal approċċ Ewropew komuni dwar dak li hu ġust għall-qasam tas-sajd, ibbażat fuq evidenza xjentifika u solidarjetà, b’enfasi partikolari fuq is-sigurtà tal-ikel, il-bijodiversità u l-isfidi relatati mat-tibdil fil-klima.
Il-Kummissarju Kadis kien mistieden ukoll fuq l-Ocean Sentinel li huwa bastiment ta’ sorveljanza li jaħdem fil-Mediterran u huwa mmexxi mill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd. Uffiċjali minn Malta u mill-Istati Membri tal-UE jaħdmu flimkien abbord l-Ocean Sentinel biex isegwu l-bastimenti tas-sajd. Hemmhekk, il-Kummissarju Ewropew seta’ jara mill-qrib l-isforzi kontinwi li jagħmel pajjiżna biex jiġi assigurat sajd sostenibbli. Il-Kummissarju osserva l-operat tal-bastiment, li għandu rwol importanti fl-infurzar tar-regolamenti kemm tal-UE kif ukoll dawk internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tal-interessi tas-sajjieda Maltin u Għawdxin.
Il-Kummissarju Kadis, f’żjara fil-lokalità ta’ Marsaxlokk, iltaqa’ ma’ diversi sajjieda lokali u ddiskuta magħhom l-opportunitajiet u l-isfidi li jiffaċċjaw f’dan il-qasam. Permezz ta’ din id-diskussjoni l-Kummissarju Ewropew seta’ jisma’ u jara r-realtajiet tal-komunità tas-sajd Maltija kif ukoll il-ħidma mill-Gvern Malti biex ikompli jappoġġja lis-sajjieda u l-impenn ta’ pajjiżna lejn prattiċi sostenibbli.
F’żjara fil-faċilitajiet tal-Aquatic Resources Malta, il-Kummissarju Kadis seta’ jsegwi mill-qrib l-aħħar riċerka u l-innovazzjoni li qed titwettaq minn din l-Aġenzija fil-qasam tal-akwakultura. Huwa żar ukoll fish farm biex jara mill-qrib il-prattiċi sostenibbli li jitwettqu f’dan il-qasam.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo stqarr li din iż-żjara tal-Kummissarju Ewropew kienet opportunità importanti biex nagħtu vuċi aktar qawwija lill-ħtiġijiet u l-isfidi tas-sajjieda tagħna fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej. Bħala pajjiż żgħir iżda b’wirt marittimu kbir, Malta tkompli taħdem sabiex tħares l-interessi tas-sajjieda tagħna, speċjalment dawk Għawdxin u Maltin, li huma l-qalba ta’ dan is-settur.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said saħqet li din iż-żjara kienet ferm importanti u serviet biex ikomplu jiġu protetti l-interessi tas-sajjieda Maltin u Għawdxin. “Il-Gvern Malti, f’ħidma mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea, jibqa’ impenjat li jappoġġja l-komunitajiet tas-sajd lokali u jiżgura li jkun il-vuċi tagħhom fl-aqwa interess ta’ pajjiżna. Iż-żjara tal-Kummissarju Kadis hija xhieda tal-viżjoni tagħna għal settur tas-sajd aktar reżiljenti u sostenibbli,” sostniet Bugeja Said.
Iż-żjara tal-Kummissarju Kadis tikkonferma pass ieħor importanti fil-koperazzjoni kontinwa bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, u tħares lejn l-impenn sħiħ għal sajd sostenibbli.