Sunday, December 22, 2024

ŻJARA LI NITTAMAW LI TQAJJIMNA MILL-INDIFFERENZI

Aqra wkoll

Illum tibda ż-żjara tal-Papa Franġisku. Żjara mistennija. Mistenija mhux għax-xinxilli, tixjir u ewforija oħra li nistgħu naraw fit-toroq tagħna. Żjara mistennija. Lil hinn miż-żjara imbagħad irrid naraw li din iż-żjara tixprunana biex ninqatgħu mill-indifferenza li ħakmet lil dan il-pajjiż.  Ma nibqgħux inwarrbu lil dawk vulnerabbli. Ma nibqgħux naġixxu li  l-aqwa li nagħtu d-donazzjonijiet u qisu sehmna għamilnieh għax sempliċiment tajna donazzjoni għal xi kawża imma imbagħad inkunu pronti nitkellmu u nikkundannaw lil oħrajn fostna. Nemmu li l-indifferenza lejn dawk li qegħdin ibatu jew imwarrbin qiegħda tiżdied u dan anke minħabba l-fatt li llum is-soċjetà saret ħafna aktar egoista minn kemm kienet qabel. Indifferenza li tieħu diversi forom u indirizzata lejn dawk  m’għandhomx l-istess kulur tal-ġilda tagħna. Dawk li qed jaħarbu biex isibu ħajja aħjar.  Il-ħabsin.  L-emarġinati fis-soċjetà tagħna, li għal xi raġuni jew oħra, huma ħafna dawk li jagħżlu li jwarrbu.

Din hi żjara li qed issir f’jiem fejn għadna kif smajna li 26 immigrant mietu mgħarrqin fi triqithom lejn il-gżejjer Kanarji. Qabilhom kellna traġedji fil-Mediterran. Għandna il-kriżi tar-refuġjati mill-Ukrajna u żoni oħra madwar id-dinja. 

Meta nitkellmu fuq it-traġedji tal-immigranti ma nistgħux nieqfu biss mat-traġedji fil-Mediterran. Hemm traġedji oħra li ftit nisimgħu bihom. Hemm dawk li jmutu fid-deżert tas-Sahara fi triqithom mis-Sudan jew minn Niġer lejn il-Libja. Hemm dawk li jħallu ħajjithom fil-Libja. Traġedja kontinwa. 

Dawn huma traġedji li issa ilhom għaddejjin is-snin. L-Unjoni Ewropea kemm il-darba qalet li t-traġedji għandhom jieqfu imma anke hawn tispikka l-indifferenza. L-indifferenza Ewropea quddiem dawn it-traġedji ma tinftiehemx. Unjoni Ewropea suppost ibbażata fuq is-solidarjetà imma imbagħad iddawwar wiċċha banda oħra.  Nuqqas ta’ rieda politika biex jintemmu dawn it-traġedji. Biex ikun hemm mekkaniżmu ta’ salvataġġ f’nofs il-Mediterran u jieqfu dawn l-imwiet. 

Meta se jkun hemm rotot siguri?  Meta se tkun abbandunata l-politika ta’ fortizza Ewropea?  Kemm iridu jmutu aktar persuni biex naslu għal dan?  

Mhux tal-mistħija tara katavri mitluqin f’wiċċ l-ilma. Kif jistgħu il-burokratiċi Ewropej u l-pajjiżi Ewropej jibqgħu indifferenti quddiem xeni bħal dawk. 

Nemmnu li l-Unjoni Ewropea ma tistax tibqa’ tħares banda oħra. Ma tistax tibqa’ indifferenti u tinjora din ir-realtà. Din hi politika għad-detriment tad-drittijiet umani ta’ dawn li qed ifittxu ħajja aħjar, lil hinn minn torturi u persekuzzjoni. 

Ma nistgħux nibqgħu nitrattaw dawn it-traġedji qishom xejn mhu xejn. Qisu li kollox indera. Dawk li għerqu allavolja ma nafux min huma, dawn huma persuni.  Għandhom il-familjari. Hemm oħrajn lesti li jagħmlu l-vjaġġ. 

Dawn huma nies li jitolbu l-għajnuna waqt il-vjaġġ tagħhom imma din mhix tasal. 

M’hemmx dubju li bis-sitwazzjoni u bl-attitudni li qed tuża l-Unjoni Ewropea. fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin se nkomplu niffaċċjaw aktar traġedji.

Nittamaw li ż-żjara ta’ Papa Franġisku twassal biex il-karbiet ta’ dawk imwarrbin fostna jibdew jinstemgħu aktar u fuq kollox tibda titwarrab l-indifferenza minn fostna.

Ekonomija

Sport