L-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, laqgħet lis-Segretarju tal-Istat tas-Santa Sede, il-Kardinal Pietro Parolin, għal laqgħa ta’ korteżija fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Il-Kardinal Parolin wassal is-sliem u l-awguri tal-Papa Ljun XIV u nnota b’sodisfazzjon il-koperazzjoni eċċellenti bejn iż-żewġ naħat fuq diversi livelli. Huwa faħħar ukoll ir-rwol ta’ Malta fix-xena multilaterali u l-impenn tagħha favur il-paċi, il-ġustizzja u s-saltna tad-dritt.
Matul il-laqgħa ġiet diskussa s-sitwazzjoni internazzjonali, inklużi l-kunflitti kurrenti u l-isfidi globali, b’enfasi fuq l-prinċipji tal-fratellanza, id-djalogu u r-riforma tas-sistemi multilaterali, fosthom in-Nazzjonijiet Uniti.
Min-naħa tagħha, l-Eċċellenza Tagħha qalet kif Malta ser tibqa’ impenjata li tħares lejn il-kawżi ewlenin tal-kunflitti filwaqt li tkompli taħdem favur il-paċi u r-responsabbiltà lejn il-komunità internazzjonali.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, enfasizza l-impenn fit-tul ta’ Malta favur is-sistema multilaterali, filwaqt li rrikonoxxa l-bżonn ta’ riforma u approċċ pragmatiku fid-dawl tar-realtajiet globali ġodda. Huwa tenna li l-politika barranija ta’ Malta tibqa’ mmirata lejn it-tisħiħ tad-djalogu, il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-promozzjoni tal-paċi.
Iż-żewġ naħat qablu li minkejja d-diffikultajiet globali, hemm bżonn ta’ impenn kontinwu favur il-ġid komunitarju, il-paċi u r-responsabbiltà kollettiva.
Preżenti wkoll għal-laqgħa kien hemm l-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit.


