Wednesday, December 10, 2025

Żjara tal-Ministru u Xjenza Malta f’CERN timmarka l-ewwel pass importanti fil-proċess lejn is-sħubija assoċjata ta’ Malta fi ħdan CERN

Aqra wkoll

Malta, flimkien ma’ Xjenza Malta, se tkun qed taħdem biex tikseb sħubija eqreb ma’ CERN, biex b’hekk tkun tista’ toffri opportunitajiet għal taħriġ ta’ livell internazzjonali, esplorazzjoni xjentifika u tagħlim ibbażat fuq is-suġġetti STEAM, kif ukoll aċċess għal netwerks globali ta’ riċerka.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, ħabbar dan fi tmiem żjara uffiċjali flimkien ma’ uffiċjali ta’ Xjenza Malta fl-Iżvizzera, fuq stedina ta’ CERN – l-organizzazzjoni Ewropea għar-Riċerka Nukleari, wieħed mill-akbar u l-aktar ċentri rinomati għar-riċerka xjentifika fid-dinja.

Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru għamel enfasi ċara fuq il-ħsieb strateġiku ta’ Malta li ssaħħaħ ir-riċerka u l-innovazzjoni. Huwa spjega li peress li Malta hija waħda minn żewġ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li għadha barra minn CERN, beda b’mod uffiċjali l-vjaġġ biex pajjiżna jsir membru assoċjat.

“Ninsab f’CERN b’għan wieħed: li niftħu l-bibien għal aktar riċerka u innovazzjoni f’Malta. Dan huwa l-ewwel pass f’viżjoni nazzjonali li tqabbad lill-aqwa mħuħ tagħna ma’ xjentisti ta’ livell dinji, u tiggarantixxi li Malta jkollha leħen dirett fl-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-futur. Għar-riċerkaturi, għall-edukaturi u għall-istudenti Maltin, dan mhux simbolu – huwa investiment strateġiku fil-futur tagħhom,” saħaq il-Ministru Grima.

Malta b’hekk tkun f’pożizzjoni li tikkompeti fuq livell globali, b’investiment f’kapital intellettwali u b’viżjoni li tibni pont dirett bejn talent lokali u tmexxija xjentifika internazzjonali.

Ir-rappreżentant Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Magħquda u Organizzazzjonijiet oħra f’Ġinevra, Randolph Debattista, waqt l-istess żjara ddikjara li: “Hemm entużjażmu fi ħdan CERN biex jaraw lil Malta tissieħeb bħala membru assoċjat. Kif stajna naraw waqt iż-żjara, dan se jkun pass storiku biex riċerkaturi Maltin issa mhux biss jipparteċipaw, imma jmexxu huma proġetti fl-ikbar ċentru tar-riċerka fid-dinja.”

Preżenti għaż-żjara kien hemm ukoll diriġenti minn Xjenza Malta, fosthom il-Kap Eżekuttiv, Silvio Scerri, li saħaq fuq dan il-proċess inizjali u strateġiku: “Din iż-żjara sservi bħala pedament għal kollaborazzjoni ħafna iktar mill-qrib ma’ CERN. Għalkemm għadna fl-ewwel stadju, hija opportunità biex noħolqu triq ta’ tkabbir xjentifiku u innovattiv għat-talent Malti.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport