Skond il-media Taljana, l-attakkant Zlatan Ibrahimovic jinsab ‘lest li jirtira’ jekk Milan jirbħu l-Iscudetto jew il-Coppa Italia dan l-istaġun.
L-Isvediż se jara l-kuntratt tiegħu jiskadi fis-sajf li ġej u għad iridu jibdew it-taħditiet biex jestendi l-waqfa tiegħu fil-club. Huwa l-player bl-ogħla qligħ fi Stadio Giuseppe Meazza b’kuntratt ta’ €7 miljun fis-sena u l-eliminazzjoni tal-Isvezja mill-play-offs tat-Tazza tad-Dinja tista’ tipperswadih biex idendel iż-żarbun f’Ġunju.
Madankollu, l-eks stilla ta’ Juventus, Inter, Barcelona u Manchester United, jippreferi jirtira bl-aħħar biċċa tal-fidda fil-but u skond l-istess ġurnal, Ibrahimoviv jinsab miftuħ li jtemm il-karriera tiegħu ta’ player jekk Milan jirbħu trofew dan l-istaġun.
It-team ta’ Stefano Pioli qed jillidja l-klassifika tas-Serie A u jibqgħu fit-tellieqa għar-rebħ tal-Coppa Italia. Huma ġabu kisbu ta’ 0-0 fl-ewwel leg tas-semi-finali tal-Coppa Italia kontra Inter f’Marzu.
L-attakkant jibqa’ ma’ Milan ukoll jekk jirtira peress se jingħaqad mal-istaff tal-coaching ta’ Pioli fl-2022-23.
Jekk Ibrahimovic ikompli għal staġun ieħor, Milan joffrulu salarju aktar baxx biex jipprova jiffirma ċentru ġdid għall-kampanja li jmiss.
L-attakkant ta’ Liverpool, Divock Origi, jinsab fix-xifer li jingħaqad mar-Rossoneri bħala agent ħieles, iżda Gianluca Scamacca ta’ Sassuolo jinsab ukoll fuq ir-radar ta’ Paolo Maldini.