Friday, November 15, 2024

ŻMIEN KRUĊJALI GĦAL PAJJIŻNA BL-ISFIDA TAL-INFLAZZJONI

Aqra wkoll

Ma jistax jonqos li wieħed mill-akbar tħassib għall-poplu tagħna hu dak tal-inflazzjoni.  Sitwazzjoni li l-familji Maltin, l-anzjani u nies oħra qed isibu li l-prezzijiet telgħin ‘lfuq. Dan qed isir tista’ tgħid f’kull qasam. Titkellem ma’ min titkellem, ma jonqosx li jsemmilek iż-żieda fil-prezzijiet.

Din is-sitwazzjoni qed tqajjem mistoqsijiet u tħassib ieħor. Dan hu dak ta’ jekk dawn iż-żidiet hux se jwasslu biex il-konsumaturi inaqqsu l-infieq tagħhom. Hu fatt li r-rati ta’ interessi se jibdew jiżdiedu fejn sa Ġunju li ġej mistennija jkunu żdiedu bi 2 fil-mija. 

Hawn min qed jargumenta li din iż-żieda se twassal biex il-konsumaturi inaqqsu l-infieq tagħhom. Hawn min qed jgħid li f’xi oqsma dan in-nuqqas ta’ infieq diġa jinħass.

Lil hinn minn dan imma, kollox qed jindika  li l-konsum domestiku se jibqa’ jikber.  Dan ovvjament se jkun qed jgħin bil-kbir l-ekonomija f’dan iż-żmien ta’ sfida. Ma jistax jonqos li waqt li se jidher li d-domanda se tkompli tikber, se jkollna min iħoss sew iż-żieda fil-prezzijiet u dan se jkollu jibdel l-istil ta’ ħajja li qed jgħix. Dan billi jara li jnaqqas l-ispiża, prattikament inaqqas dak li għalih ikun jidher lussu. Nemmnu ukoll li se jkollna min jiċċaħħad minn affarijiet bażiċi biex il-finanzi iservuh. Nemmnu li dawn huma kategoriji ta’ nies li għandhom jiġu mgħejjuna b’miżuri speċifiċi.

Jekk nieħdu it-tbassir li qed isir għal pajjiżna mill-analisti tal-Bank Ċentrali naraw li  għal din is-sena l-konsum domestiku ser jikber b’5.4 fil-mija.. Dan huwa aktar minn darba u nofs il-medja tat-tkabbir li kien osservat fl-għaxar snin ta’ qabel. Statistika li tkopri l-ewwel kwart tas-sena, meta diġa kien hemm żieda fir-rata ta’ nflazzjoni, tindika li l-konsum tal-familji tela’ bi kważi 10 fil-mija. Dan huwa dovut għall-fatt li matul is-sentejn preċedenti l-familji f’pajjiżna kienu faddlu ammont qawwi mid-dħul tagħhom. Jekk wieħed iħares biss lejn id-depositi tal-familji mal-banek lokali, dawn kważi jlaħħqu €16-il biljun, meta fl-2019 kienu €13-il biljun. 

Il-Bank Ċentrali jgħid li dan ifisser li l-maġġorparti tal-familji għandhom l-mezzi finanzjarji biex ikomplu jżidu l-konsum tagħhom. . Naturalment, fuq livell individwali, se jkun hemm konsumaturi  li jkollhom ċirkostanzi differenti minn xulxin u allura l-effet fuq l-individwu jvarja. 

Fattur pożittiv f’pajjiżna hu dak li s-suq tax-xogħol hu wieħed li għaddej tajjeb. Filfatt id-dħul tal-ħaddiema sal-ewwel kwart tas-sena kien aktar minn 5 fil-mija aktar minn dak li kien sena qabel. Il-qagħda tas-suq tax-xogħol f’pajjiżna hija waħda tajba, bl-impjiegi jkomplu jizdiedu, tant li bħalissa għandna l-anqas rata ta’ qgħad qatt osservata. Ma dan imma rridu nżommu f’moħħna li għandna kategoriji ta’ ħaddiema imħaddmu fil-prekarjat. Bi ħlasijiet miżeri fis-siegħa, kemm Maltin u kemm barranin.

Irridu nirrimarkaw li f’pajjiżna ż-żieda fl-inflazzjoni kienet ferm anqas minn dik madwar l-Unjoni Ewropea. Ir-raġuni għal dan hija li l-prezz tal-enerġija u fjuwil, kif ukoll ta’ xi materji primi, qed jinżamm stabbli permezz ta’ sussidji. Dan għandu l-konsegwenzi tiegħu għax filwaqt li dan qed iżomm l-inflazzjoni f’pajjiżna aktar baxx mill-bqija tal-Unjoni Ewropea, dawn is-sussidji qed iwasslu biex l-irkupru fil-finanzi pubbliċi mistenni wara t-tmiem tal-għajnuniet relattati mal-pandemija qed ikun anqas minn dak previst. Madanakollu, meta wieħed iħares jejn il-komponenti l-oħra tal-indiċi tal-prezzijiet, jigifieri, ikel, prodotti ohra industrijali barra dawk ta l-energija, u servizzi, dawn qed juru inflazzjoni li hi madwar jew ftit aktar mill-medja tal-Unjoni Ewropea.   

Ix-xhur li ġejjin se jkunu kruċjali. Pajjiżna waqt li qed jiffaċċja l-isfida tal-inflazzjoni, fejn  mistennija nefqa mhux żgħira mill-Gvern, irid jara li jżomm il-kompetittività tiegħu, waqt li jsostni l-irkupru ekonomiku. It-tama hi l-inflazzjoni tibda tbatti mal-bidu tas-sena d-dieħla.

Ekonomija

Sport