Ninsabu fi żmien li nfakkru it-80 sena mindu l-Istati Uniti tefgħet il-bomba atomatika fuq Hiroshima u Nagasaki. Azzjoni li wasslet għal qerda kbira. Ix-xeni tal-qerda ixxukkjaw lil kull min raħhom, kemm dak iż-żmien u anke ħafna żmien wara.
U llum tmenin sena wara it-theddida nukleari hija akbar minn qatt qabel. Il-verità tal-biża’ hija li llum nistgħu nkunu f’riskju akbar ta’ qerda nukleari milli fi kwalunkwe żmien. Rajna fl-aħħar xhur, iqum dan l-argument spiss b’mod partikolari fejn jidħol il-kunflitt bejn l-Ukrajna u r-Russja. Rajna imbagħad ftit ġimgħat ilu l-Istati Uniti jattakkaw faċilitajiet fl-Iran u għal darba oħra intuża l-argument tal-armi nukleari.
Kellna dikjarazzjonijiet imbagħad mill-President Vladimir Putin. Kienu dikjarazzjonijiet li fihom il-President Putin ripetutament hedded eskalazzjoni nukleari. Proprju f’Mejju li għadda l-Indja u l-Pakistan, żewġ ġirien armati b’armi nukleari, involvew ruħhom fl-aktar konfrontazzjoni militari serja tagħhom fl-aħħar snin.
Ma’ dawn għadek il-kunflitt – li d-dinja kollha qiegħeda tagħlaq għajnejha għalih. Il-kunflitt li l-politiċi dinjin qegħdin passivi lejh. Indifferenti. Idawwru wiċċhom banda oħra. Il-kunflitt f’Gaża, li jqanqal tensjonijiet kbar.
Ma’ dawn imbagħad il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong Un, li minn żmien għal żmien jittestja bla heda missili li kapaċi jġorru armi nukleari. Iċ-Ċina hi ukoll theddida nukleari oħra jekk qatt jinqala’ kunflitt dwar it-Tajwan.
Dan mhu xejn għajr logħob perikoluż. Logħob perikoluż immexxi minn politiċi b’saħħithom madwar id-dinja, li ma jiddejqu xejn jheddu bl-armi nuklejari, li llum kulħadd hu konxju ta’ x’qerda iġibu.
Fl-aħħar kiem rajna ukoll tiżviluppa b’mod mhux daqstant sabiħ ir-relazzjoni bejn l-Istati Uniti u r-Russja. Wieħed jittama li ż-żjara mill-mibgħut speċjali tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump, Steve Witkoff, fir-Russja ittaffi il-battibekki nukleari bejn ir-Russja u l-Istati Uniti. Battibekki li wasslu għall-iskjerament ta’ żewġ sottomarini armati b’armi nukleari mill-Istati Uniti b’reazzjoni għar-rimarki tal-eks President Russu Dmitry Medvedev li iddikjara li “kull ultimatum ġdid – mill-Istati Uniti – huwa theddida u pass lejn il-gwerra”.
Is-sitwazzjoni hi tali li għandek ultimatum mill-Istati Uniti lir-Russja biex tintemm il-gwerra fl-Ukrajna. Fin-nuqqas ta’ dan ingħad li r-Russja tispiċċa tiffaċċja sanzjonijiet ġodda.
Wieħed ma jridx jinsab li dak li it-ton rikonċiljatorju tal-President Trump għadd ta’ xhur ilu lejn ir-Russja, issa inbidel f’ton iebes u ta’ theddida.
Kien kliem meqjus dak li għamel il-kelliem tal-Kremlin, Dmitry Peskov li meta tkellem dwar iċ-ċaqlieq ta’ sottomarini nuklejari mill-Istati Uniti mewwet it-ton u qal li “ma nemminx li qed nitkellmu dwar xi eskalazzjoni issa.” Huwa nnota li “kulħadd għandu joqgħod attent dwar ir-retorika nukleari”. Ma waqafx hemm u ddikjara li “ma jistax ikun hemm rebbieħ fi gwerra nukleari.”
Kien hemm żmien meta kien magħruf u donnu kien hemm kunsens li gwerra nuklejari qatt ma setgħet tintrebaħ. Dan kien ir-raġument fi żmien il-Gwerra l-Bierda. Jidher issa li l-bilanċ ta’ raġunament bħal dan hu mhedded. Donnu issa hawn min qed isibu jhedded b’dawn l-armi.
Irridu inżommu f’moħħna li minn żmien il-Gwerra Bierda ‘l hawn inbidlu ħafna affarijiet. Dakinhar kellna żewġ super potenzi. Illum għandna it-tielet superpotenza nukleari, iċ-Ċina, li għandha tiġi kkunsidrata. Xi jfisser dan? Ifisser li aktar ma jkun hemm pajjiżi, iktar jikbru ir-riskji.
Din il-ġimgħa jintemm ultimatum ieħor. X’se jiġri għadu mhux ċar. Li qed jinħema fi żgur hu li l-Istati Uniti aktarx jużaw sanzjonijiet li jolqtu pajjiżi bħall-Indja u ċ-Ċina, li qed jixtru l-enerġija tagħhom mir-Russja u minn dan id-dħul ir-Russja qed tiffinanzja l-gwerra fl-Ukrajna.
U waqt li d-dinja tistenna, waqt li nibqgħu nħarsu u nistennew li dawn il-kunflitti jintemmu – għax minnhom mhu jirbaħ ħadd, id-dinja qiegħda tfakkar l-anniversarju tal-qerda totali ta’ żewġ bliet Ġappuniżi. L-era atomia kienet bdiet bil-qerda tal-żewġ ibliet. Il-mistoqsija li ssir illum hi dik ta’ jekk din l-era hix se tispiċċa bil-qerda taċ-ċivilizazzjoni.